“Meta terġgħu tiftħu r-restoranti tostakolawx il-bankini” – Oliver Scicluna

Il-Kummissarju għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità Oliver Scicluna appella mill-ġdid li meta jiftħu r-restoranti għandhom jaraw li jħallu l-bankini mingħajr periklu għal persuni b’diżabilità.

Permezz ta’ post fuq Facebook, Scicluna sostna li bħala ċittadin hu dejjem kien ta’ sapport għan-negozju lokali u se jibqa’ jagħmel dan anke fiċ-ċirkustanzi preżenti. Qal li n-negozji għandhom irwol importanti fl-ekonomija tal-pajjiż u fil-ħajja ta’ għexieren ta’ familji madwar Malta u Għawdex.

Qal li t-talba tiegħu għar-ristoranti hija b’rabta mal-miżuri l-ġodda li ħarġu li se jippermettu r-ristoranti jerġgħu jiftħu minn nhar il-Ġimgħa u l-catering li jsir fuq barra. Scicluna insista li jrid ikun hemm bilanċ biex wieħed jassigura li l-bankini jibqgħu aċċessibbli anke minn persuni li għandhom xi diżabbiltà, b’mod speċjali dawk li jużaw is-siġġu tar-roti. Qal li filwaqt li persuna li tista’ timxi, tista’ ddur ma’ dak li qed jingobra bankina b’mod faċli, persuni li għandhom problemi ta’ mobbiltà ma jistgħux jagħmlu dan.

Irrimarka li l-aċċessibiltà se tibqa’ waħda mill-prijoritajiet tal-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’diżabilità ladarba hija dritt fundamentali ta’ dawn il-persuni.

As a citizen I have always supported the local business community and will continue doing so in such challenging…

Posted by Oliver Scicluna on Tuesday, May 19, 2020

Din mhix l-ewwel darba li Scicluna talab lill-pubbliku jkun aktar konxju tal-perikli li jistgħu jaffaċċjaw persuni b’diżabilità minħabba n-nuqqas ta’ aċċess. F’intervista li kien għamel ma’ Newsbook.com.mt hu kien spjega li matul iż-żmien jirċievu ħafna rapporti dwar bankini li mhumiex aċċessibbli għal persuni b’diżabilità għal raġunijiet varji.

Intant, fl-aħħar jiem, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu ħarġet għadd ta’ regolamenti li l-ħaddiema fir-ristoranti jridu jsegwu issa li dawn se jiftħu nhar il-Ġimgħa li ġej, qalb il-pandemija tal-coronavirus.

It-Tnejn filgħaxija, il-Prim Ministru Robert Abela, flimkien mad-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne u s-Supretendent għas-Saħħa Pubblika Prof. Charmaine Gauci, ħabbar li minn nhar il-Ġimgħa li ġej se jiftħu mill-ġdid ir-ristoranti, tax-xagħar, tad-dwiefer u l-beauticians, jista’ jsir sport barra u taħriġ sa gruppi ta’ sitt persuni u jistgħu jintwerew films fil-miftuħ, fost l-oħrajn.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn