Meta se tbatti s-sħana?

Meta se tbatti s-sħana? Din hi l-mistoqsija fuq fomm kulħadd bħalissa hekk kif l-antiċiklun Afrikan se jirritorna fuq il-Gżejjer Maltin u mistenni jistabilixxi ruħu fil-Mediterran tul il-jumejn li ġejjin.
Skont is-sit FirstMalta l-antiċiklun se jaffettwana għal ħamest ijiem sa nhar il-Ġimgħa.
Is-sit ikkonferma li t-temperaturi li kienu mbassra mill-Global Forecast System se jwasslu għat-tieni mewġa tas-sħana qalila għal dan is-sajf.
Mewġa ta’ sħana hi definita meta jkun hemm mill-inqas ħamest ijiem konsekuttivi b’temperaturi ta’ ħames gradi celcius aktar min-normal għal dak il-perjodu taż-żmien.
Sadanittant l-Uffiċċju Metereoloġiku tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta llum ħareġ avviż li s-sitwazzjoni tat-temp bħalissa minn safra telgħet għal oranġjo hekk kif illum it-temperatura se titla’ għal 36 grad.
Il-ġimgħa d-dieħla t-temperatura mistennija titla’ sa 37 grad celcius u tinħass daqs 40 grad.
Biex wieħed jevita l-effetti tas-sħana hu importanti li:
·         Jekk hu possibbli jevita li joħroġ barra bejn il-11am u l-4pm
·         Joqgħod f’postijiet friski fid-dar jew fuq il-post tax-xogħol
·         Jixrob regolarment u jiekol ikel kiesaħ
·         F’każ ta’ dubju jikkonsulta lit-tabib tiegħu
Ritratt: FirstMalta