Mifsud Bonnici ma jweġibx dwar due diligence

Aġġornat 08:57 PM
Carm Mifsud Bonnici huwa l-President tal-Kunsill Amministrattiv tal-PN

Read in English.

Sa issa għadu mhux magħruf meta se jitlaqqa’ l-Kunsill Amministrattiv biex jiddiskuti r-rapport tad-Due Diligence dwar iż-żewġ kontestanti għal Kap tal-Partit Nazzjonalista. Newsbook.com.mt bagħat mistoqsijiet lill-President tal-Kunsill Amministrattiv Carm Mifsud Bonnici hekk kif dan l-organu tal-PN irċieva r-rapport sħiħ. Sal-ħin tal-pubblikazzjoni Mifsud Bonnici kien għadu ma weġibx għall-mistoqsijiet.

Ilbieraħ il-Kummissjoni Kandidati tal-PN mmexxija minn Colin Bowman kitbet liż-żewġ kontestanti titlobhom permess biex tippubblika r-rapport sħiħ.

Kelliem għal Bernard Grech qal ma’ Newsbook.com.mt li min-naħa tiegħu ta l-awtorizzazzjoni tiegħu bil-miktub biex dan ikun jista’ jsir.

Intant Adrian Delia ma weġibx meta mistoqsi jekk tax l-awtorizzazzjoni tiegħu biex ir-rapport ikun pubbliku.

Il-kelliem għal Bernard Grech qal ukoll li ilu li talab għar-rapport sħiħ minn nhar is-Sibt li għadda meta sar magħruf li l-kumitat ta’ esperti mqabbdin mill-PN biex ifittxu fuq iż-żewġ kontestati ħejjew ir-rapport tagħhom. L-istess kelliem qal li l-Ħadd talab kopja liċ-Chairman tal-Kummissjoni Kandidati Colin Bowman u lbieraħ reġa’ talab bil-miktub għal kopja tar-rapport li jikkonċerna lilu lill-Presidenti tal-Amministrattiv, tal-Eżekuttiv u tal-Kunsill Ġenerali kif ukoll liċ-Chairpersons tal-Kummissjoni Kandidati u Kummissjoni Elettorali.

Delia jrid li r-rapport jiġi ppubblikat

Filgħaxija, il-Partit Nazzjonalista ħareġ stqarrija li tgħid li Adrian Delia bagħat ittra liċ-Chairperson tal-Kummissjoni Kandidati tal-PN dwar ir-rapport tad-diliġenza.

Fl-ittra, Delia qal li hu jaqbel li r-rapport jiġi ppubblikat, imma bil-mezzi xierqa u kif suppost. Semma kif ir-rapport intbagħat lill-Kummissjoni Elettorali u lill-President tal-Kunsill Amministrattiv biss, u l-bqija tal-membri tal-Kunsill, inkluż Delia, għadhom ma jafux x’inhu l-kontenut tar-rapport.

Delia qal li kien qed jistenna li l-Kunsill Amministrattiv jiltaqa’ sabiex jiddiskuti r-rapport u jivvota fuq mozzjoni ta’ Delia biex ir-rapport jiġi ppubblikat. Stqarr li jekk dan ma jsirx sal-lejla, hu se jeżerċita dritt li jagħtih l-istatut li jlaqqa’ lill-Kunsill u jippreżenta din il-mozzjoni biex ir-rapport jiġi ppubblikat fl-intier tiegħu.

Xi jkun fih ir-rapport tad-Due Diligence?

Il-Kummissjoni Kandidati ħatret panel ta’ esperti indipendenti biex skont l-istatut u r-regolamenti huma jfittxu fuq il-kontestanti u jivverifikaw dokumenti relatati magħhom inkluż dawk finanzjarji, kummerċjali jew legali. Il-panel kien magħmul minn Dr Antonio Ghirlando bħala Chairperson u mill-Awditur Mario P Galea u n-Nutar Dr Clyde La Rosa.

Bernard Grech kien wiegħed li kif ir-rapport jasal għandu hu jippubblikah.

Aktar kmieni llum Bernard Grech ġie approvat uffiċjalment bħala kandidat f’din l-elezzjoni li se ssir fit-3 ta’ Ottubru li ġej.

Taqbel li r-rapport tad-Due Diligence jiġi ppubblikat?

Ikkummenta hawn taħt jew ibagħtilna fuq info@newsbook.com.mt