Meta se jiftaħ l-istaġun tal-Milied ġewwa Għawdex?

Fejn l-aħjar tesperjenza l-ferħ pur tal-Milied jekk mhux fuq gżira ferrieħija s-sena kollha? Il-Milied f’Għawdex sar sinonomu ma’ kalendarju mimli avvenimenti li minnu qed igawdu eluf ta’ nies. Minn presepji mimlija dettalji, għal xeni tan-Natività live, kif ukoll mużika korali mimlija armonija, Għawdex għandu ferm x’joffri f’dan l-istaġun ta’ paċi u ferħ.

Il-programm annwali tal-Milied f’Għawdex se jiġi mniedi fit-30 ta’ Novembru fi Pjazza Indipendenza, ir-Rabat, b’attività hekk imsejħa It’s Christmas Time. Matul is-serata, dak kollu li hu tradizzjonali se jiġi esebit bit-teknoloġija tal-lum, u b’hekk tinħoloq esperjenza unika għall-udjenza.

L-attività se tibda fit-8pm, b’kunċert minn korijiet lokali tat-tfal fosthom: il-Kor Sant’Anton ta’ Padova, il-Kor taż-Żgħażagħ Aurora, Chorus Urbanus Junior, il-Kor tat-Tfal Schola Cantorum Jubilate u l-Kor Santa Klara.

Flimkien mal-korijiet tingħaqad l-orkestra magħrufa Allegro Moderato. Allegro Moderato hi koperattiva soċjali li bdiet ġewwa Milan fl-2011 u li tindirizza lit-tfal, żgħażagħ u adulti b’dgħjufijiet mentali, fiżiċi u soċjali, sabiex tippromovi formazzjoni mużikali u artistika. Alfina Fresta, kantanta lirika żagħżugħa minn Catania bi trombożi ċerebrali, se tingħaqad mal-orkestra bl-interpretazzjoni tagħha ta’ kanzunetti klassiċi tal-Milied.

B’It’s Christmas Time se jinfetaħ l-istaġun tal-Milied, liema staġun se jkun ikkaratterizzat middwal tradizzjonali fit-toroq u d-djar b’sinjifikat ta’ ħajja, tama, u sbuħija. L-innovazzjoni fid-dawl imxiet ħafna mill-ewwel xemgħat impoġġija fuq is-siġar u l-ewwel sekwenza ta’ bozoz tal-Milied li ħadem Edward Johnson fl-1882. Minflok, spettaklu ta’ 3D mapping se jiġi pproġġettat fuq il-Banca Giuratale, mument li fih se jinxtgħelu wkoll it-toroq t’Għawdex bid-dawl tal-Milied.

Din l-attività qed tiġi organizzata mill-Ministeru għal Għawdex bħala parti mill-programm tal-Milied. “Għawdex sar destinazzjoni mfittxija matul is-sena kollha iżda rridu nassiguraw li dawn il-festi jkunu u jibqgħu attrazzjoni ewlenija,” ikkummentat il-Ministru għal Għawdex Dr. Justyne Caruana. “Dan grazzi għall-ħidma kbira li ssir mill-għaqdiet tagħna fil-lokalitajiet u minn talenti oħrajn li għandna f’Għawdex”.

Mat-tmiem tal-ispettaklu, l-udjenza se tkun mistiedna għall-mulled wine, hot chocolate, u pasti tradizzjonali tal-Milied. L-attività se ssir taħt tinda biex toffri protezzjoni f’każ ta’ maltemp.