Meta se jfaqqgħu s-sajjetti l-ġimgħa d-dieħla?

Ħarsa lejn it-temp tal-ġimgħa d-dieħla

It-temp matul il-ġimgħa d-dieħla mistenni jvarja bejn dak xemxi, imsaħħab, u anke xita bir-ragħad.

L-Uffiċċju Meteoroloġiku tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta qed ibassar li se jkun hemm ħalbiet tax-xita bir-ragħad il-Ħamis 24 ta’ Ottubru.

Din il-ġimgħa għandha tibda b’temp ftit imsaħħab b’temperatura ta’ madwar 25°C.

It-Tlieta t-temp mistenni jibqa’ l-istess. L-affarijiet jaf jinbidlu xi ftit l-Erbgħa meta x-xemx mistennija tiżreġ bit-temperatura togħla xi ftit għal 26°C.

Però, is-sitwazzjoni jaf tinbidel għal kollox il-Ħamis hekk kif qed jitbassru ħalbiet tax-xita bir-ragħad. Madanakollu, t-temperatura għandha tibqa’ fit-reġjun ta’ 25°C.

Imbagħad hemm aħbar tajba għal dawk li mhux se jkunu jaħdmu fi tmiem il-ġimgħa hekk kif kemm il-Ġimgħa kif ukoll is-Sibt għandhom ikunu l-biċċa l-kbira tagħhom ġranet xemxin.

Uffiċċju Meteoroloġiku tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta

Kif kellu jkun it-temp din il-ġimgħa?