“Meta rajt x’qed jiġri jmissek neħħejtha jew ikkoreġejtha!” – Carmen Gusman

Wara li lbieraħ ġiet miċħuda l-aħbar li l-kantant Enzo Gusman kien ħalliena, instab ukoll is-sors minn fejn kienet bdiet ix-xniegħa li wasslet biex ħafna nies qatgħuha li Enzo Gusman kien miet, u saħansitra wasslet biex ikun hemm ukoll siti li ppublikaw l-aħbar falza.

Kollox beda wara li ċertu Jo Meli tella’ fuq Facebook post li kienet tgħid sempliċiment “Ħalliena Enzo” u fil-pront kulħadd qabeż għal-konklużjoni li dan kien qed jirreferi għal Enzo Gusman.

“Jien qatt ma speċifikajt kunjom” ikkummenta Jo Meli hekk kif beda jiġi kkritikat għal post li hu kien tefà u li saħansitra anki Wikipedia niżżel fuq il-paġna li hemm dwar Enzo Gusman li l-kantant kien miet.

Saħansitra anki Carmen, il-mara ta’ Enzo, esprimiet ir-rabja tagħha u kien hawn li Meli baqa’ jinsisti li hu ma għamel xejn ħażin.

“Ninsab iddispjaċuta u diżappuntata li għandek li wiċċ toħroġ b’aħbar falza bħal din! Inkwetajt lili u l-uliedna u jmissek tisthi!” kitbet Carmen li għaliha Jo Meli wieġed mill-ġdid li hu qatt ma semma’ kunjom.

“Imma Enzo wieħed hemm magħruf daqshekk f’Malta! U meta rajt x’qed jiġri jmissek neħħejtha jew ikkoreġejtha!” kitbitlu lura Carmen.

Hekk kif ir-rabja kompliet tiżdied anki minn ħafna Maltin, anki t-tfal ta’ Enzo u Carmen, Johanna u Carmen, ukoll qalu tagħhom.

“X’tip ta’ persuna jagħmel xi ħaġa bħal din? Waqaft biex taħseb għal minuta li għandna l-qraba f’Malta? U li madwar id-dinja hemm ħafna nies jitolbu u jinsabu mħassba dwar missieri?” staqsiet taħt l-istess post Johanna Gusman, li fl-2004 kienet ukoll ħadet sehem fil-Malta Song For Europe bil-kanzunetta I Believe In Love, kompożizzjoni ta’ missierha stess.

Anke Greta Gusman, it-tifla l-oħra ta’ Enzo u Carmen, esprimiet id-diżappunt tagħha għal dak li ġara lbieraħ filgħaxija, li staqsiet ukoll għal-liema Enzo kien qed jirreferi, liema mistoqsija staqsewha wkoll bosta persuni oħra, iżda li għaliha Jo Meli baqa ma weġibx.

Minkejja t-talbiet tal-familjari oħra u r-rabja evidenti ta’ bosta Maltin, Jo Meli għażel li jħalli l-post oriġinali fuq il-paġna uffiċjali tiegħu ta’ Facebook.