Meta nitilfu lil xi ħadd fi żmien il-pandemija

grief
Photo by Cristian Newman on Unsplash

Hekk kif normalment nafuh, il-proċess ta’ grief jibda jseħħ meta wieħed jitlef lil xi ħadd li kien verament għażiż għalih, bħal ngħidu aħna membri tal-familja, jew ħbieb tal-qalb. Iżda mhux biss. Is-sensazzjoni ta’ grief tista’ tkun preżenti wkoll meta aħna niġu mċaħħdin milli nagħmlu ċerti affarijiet li konna nqisuhom bħala vitali biex ngħixu b’mod san, fil-ħajja tagħna ta’ kuljum; bħal pereżempju, billi f’din il-pandemija nieqfu nissoċjalizzaw ma’ ħbieb jew membri tal-familja.

Sfortunatament, din it-telfa ġġib trasformazzjoni kbira fuq kif nibdew inħarsu lejn il-ħajja, jew inkella kif naġixxu man-nies ta’ madwarna. Għaldaqstant, huwa importanti li wieħed jindirizza b’mod effettiv id-diqa li ġġib magħha l-grief, biex b’hekk ikun jista’ jkompli jgħix ħajja sana, bl-inqas ammont ta’ disturbi fiżiċi, soċjali jew emozzjonali.

Dan il-proċess huwa meqjus bħala wieħed naturali, peress li hu mistenni minn kull min ikun ġarrab it-telfa ta’ persuni qrib tiegħu, jew in-nuqqas ta’ attivitajiet vitali għalih. 

Il-mod ta’ kif wieħed jirreaġixxi għat-telfa, ġeneralment ivarja minn persuna għall-oħra; minħabba li jiddependi wkoll fuq fatturi personali: bħal karattru, livell ta’ sapport kif ukoll il-fidi. Però, ħaġa waħda tibqa’ komuni bejn kulħadd; dan il-proċess jieħu ż-żmien biex jgħaddi, u għalhekk, mhuwiex ideali li wieħed jiġi mgħaġġel sabiex jirkupra minnufih. Ċerti nies jibdew iħossuhom aħjar wara ftit ġranet, iżda oħrajn jibdew jaċċettaw li jkomplu b’ħajjithom, wara diversi ġimgħat.

care and support
Photo by Külli Kittus on Unsplash

Għaldaqstant, huwa importanti li ngħinu u nieħdu paċenzja b’xulxin. Hemm diversi emozzjonijiet relatati ma’ dan il-proċess. Il-psikjatra Elizabeth Kubler Ross, introduċiet il-ħames stadji tal-grief, li primarjament huma l-fażijiet ta’ nnegar, rabja,  dieqa, u fl-aħħar mill-aħħar, l-aċċettar tas-sitwazzjoni kerha. 

Wieħed jista’ jgħaddi minn diversi fażijiet, iżda mhux neċessarjament fl-istess ordni.

Personalment, inħobb inqabbel il-proċess tal-grief ma’ vjaġġ fuq ‘rollercoaster’; kollu tlajjiet u nżul, fejn xi minn daqqiet tħossok produttiv, iżda f’mumenti oħrajn tħossok iktar imdejjaq mis-soltu. Fortunatament, din il-mixja, tibda ssir aħjar iktar ma jgħaddi ż-żmien mit-telfa li tkun ġarrabt.

Meta wieħed ikun għadu kif ġarrab in-nuqqas ta’ xi ħadd għażiż, ħafna drabi lanqas ikun jaf x’laqtu, jew inkella jdum biex jirrealizza x’ġara, sforz ix-xokk qawwi li jkun jinsab fih. Xi kultant nibdew ninnegaw li l-persuna għażiża tkun il-bogħod minna, u nkunu nixtiequ li nerġgħu nagħmlu kuntatt magħha, minkejja li dan hu impossibbli. 

Nistgħu wkoll inħossuna rrabjati, li ma kellniex ċans nagħmlu xi attivitajiet. Oħrajn iħossuhom imdejqin għax iħossuhom waħedhom. Dan jista’ jwassal ukoll biex wieħed ikun iktar anzjuż dwar saħħtu jew il-futur tiegħu, jew insikur fuq ċerti responsabbilitajiet ġodda li feġġew f’ħakka t’għajn.

Minbarra perjodi ta’ instabbilità emozzjonali, il-proċess tal-grief jista’ jġib ukoll diversi sintomi fiżiċi assoċjati mal-istress, bħal uġigħ ta’ ras, għejja, nuqqas ta’ rqad san, immunità baxxa, żbilanc fl-aptit, b’riżultat ta’ telf jew żieda fil-piż, jew disturbi oħrajn fis-sistemi kardjovaskulari u gastrointestinali, bħal dijarea, qtugħ ta’ nifs, jew taħbit irregolari tal-qalb.

L-ewwel pass sabiex wieħed jiġġieled il-proċess tal-grief, huwa li jaċċetta s-sitwazzjoni li jkun fiha, u jilqa’ kull tip ta’ support offrut minn nies ta’ madwaru. Huwa vitali wkoll li wieħed ma jinjorax l-emozzjonijiet u s-sintomi li jkun qed iħoss, iżda li jaffaċċjahom b’mod effettiv. 

rose drops
Photo by Ed Leszczynskl on Unsplash

Nixtieq nieħu l-opportunità biex insemmi wkoll, illi meta wieħed jibki, bl-ebda mod ma jirriffletti ħażin fuqu, fis-sens li jkun qed jagħmel dan għax huwa dgħajjef, iżda għall-kuntrarju, dan pjuttost iseħħ għax ikun qed jiftakar fil-mumenti sbieħ li qatta’ ma’ persuni tant għeżież għalih.

Ċerti nies kreattivi jsibu wkoll serħan fl-arti jew fil-mużika, billi jiktbu, ikantaw jew ipenġu. 

L-istress jista’ jiġi mnaqqas permezz ta’ parteċipazzjoni f’attivitajiet oħrajn minn ġewwa d-dar, bħat-tisjir, qari, televiżjoni. Mill-banda l-oħra, hemm persuni riservati oħrajn li jippreferu li jqattgħu iktar ħin waħedhom, billi jirriflettu. 

Fi żmien daqshekk delikat, wieħed faċilment jaqa’ fin-nasba li jiekol ikel mhux nutrittiv, jixrob l-alkoħol, jew ipejjep iktar, però dawn l-aġiri iktar se jħallu effetti negattivi fuq il-ġisem. Għaldaqstant, wieħed għandu joqgħod attent mill-vizzji.

Minkejja li l-proċess ta’ grief huwa wieħed mistenni fiċ-ċiklu tal-ħajja tagħna, dan jista’ jiġi kkumplikat meta wieħed ibati minn sintomi fiżiċi jew mentali li huma meqjusa bħala iktar estremi; u li jwaqqfuh milli jagħmel l-attivitajiet bażiċi tiegħu ta’ kuljum. 

F’każijiet bħal dawn, jekk wieħed jaħseb li jkun qed ibati minn ‘complicated grief’, dipressjoni, ansjetà jew stress inkontrollabli, wieħed għandu jirrikorri minnufih għand psikoterapista jew it-tabib tiegħu għal għajnuna professjonali.

Dan l-artiklu nkiteb minn Dr Georgiana Farrugia Bonnici (Medical Doctor)