“Meta niċċensuraw lil Alla, nillimitaw id-dritt tal-espressjoni tal-bniedem”

L-Isqof t’Għawdex, Mario Grech, qal li meta niċċensuraw lil Alla nkunu qed nillimitaw id-dritt tal-espressjoni tal-bniedem.
Dan il-messaġġ għaddieh waqt il-quddiesa ta’ Sibt il-Għid, fiċ-Ċelebrazzjoni tas-Siegħa tal-Omm fis-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna Ta’ Pinu.
Mons. Grech qal li s-skiet ta’ Kristu f’Sibt il-Għid iġegħelna nħossu s-skiet ivenven fil-widnejn, is-skiet li jirriżulta meta Alla jitwaqqa’ fil-muta ilħna frivoli jieħdu post il-leħen tiegħu u hekk il-vjolenza tipprova xxejjen il-Vanġelu tal-karità.
“Mhux tant għax Alla tilef il-kelma, imma għax il-bniedem bħal donnu jrid jagħlaqlu fommu billi jagħmillu sarima. Fil-fatt, il-vuċi ta’ Alla qed tiġi fgata fil-kuxjenzi, anki fil-kuxjenza kollettiva, peress li fil-kor tas-soċjetà qed jiżdiedu l-ilħna ta’ individwi li huma bla twemmin”, irrimarka l-Isqof t’Għawdex.
Ikkwota lill-Papa Emeritu, Joseph Ratzinger, li fl-1969 kien kiteb li aktarx das-seklu sar jixbah lill-jum tas-Sibt, jiġifieri l-jum meta Alla hu assenti u d-dixxipli jħossu baħħ kbier f’qalbhom.
Madankollu l-messaġġ tal-Isqof hu wieħed pożittiv, meta jgħid li mill-qabar feġġet il-ħajja.
Finalment, l-Isqof reġa’ lura għall-Madonna, u qal li hi biss tgħinna biex f’dan il-jum ta’ skiet ikrah, nisimgħu lil Kristu minn qiegħ l-art jgħidilna dak li qal lil Adam: “Stenbaħ int li rieqed. Jien ma ħlaqtikx biex tibqa’ priġunier fl-infern. Qum mill-mewt. Jien il-ħajja tal-mejtin.”