“Meta niċċelebrawhom, niċċelebrawhom bil-kbir” – ir-Rettur tal-Università dwar il-gradwazzjonijiet

F’komunikazzjoni li ntbagħtet lill-istudenti, l-Università ħabbret uffiċjalment li l-gradwazzjonijiet li kellhom isiru f’Novembru se jiġu posposti għal ġranet oħrajn. Il-Ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonnici ried li titieħed id-deċiżjoni li l-gradwazzjoni ssir din is-sena ssir xorta f’Novembru u f’Diċembru minkejja l-pandemija tal-coronavirus.

Minkejja li ċ-ċerimonji mhux se jsiru, il-gradwati kollha se jirċievu d-degree jew diploma tagħhom fl-20 ta’ Novembru.

Fi stqarrija li fiha wera l-ħsieb li dawn iċ-ċerimonji jsiru aktar ‘il quddiem, ir-Rettur stqarr li meta eventwalment jiġu ċċelebrati, dawn isiru b’mod speċjali u memorabbli kif imiss.

Fl-ittra, ir-Rettur spjega li jekk ssir iċ-ċerimonja jkun ifisser li teskludi lill-familjari u ħbieb tal-gradwati.

Dan wara li f’Lulju, ir-rettur tal-Università ħabbar li l-gradwazzjonijiet kienu ġew imħassra minħabba l-pandemija.

Il-Kunsill Studenti Universitarji tennew li huma ddiskutew ma’ għaqdiet studenteski oħrajn u qablu li din issir ġurnata oħra. Fi stqarrija mibgħuta mill-Università, ir-Rettur il-Professur Alfred J Vella, awgura lill-gradwati ġodda kollha.

Fi stqarrija simili, l-MCAST qalet li l-gradwazzjoni tal-istudenti se tiġi posposta għal darb’oħra minħabba l-pandemija tal-Covid-19.