“Meta ngħixu fuq il-preġudizzji nkunu qed immorru kontra l-maternità ta’ Marija” – Arċisqof

Fl-okkażjoni ta’ Jum il-Vitorja, l-Arċisqof Pawlu Cremona saħaq li meta Marija kienet tqila b’Ġesù, fiha kien hemm il-bnedmin kollha fi Kristu biex jiġu salvati.

Fl-omelija tiegħu, waqt Quddiesa Pontifikali, l-Arċisqof sostna li d-devozzjoni lejn Marija trid twassalna biex bħalha nħobbu u nirrispettaw lil kulħadd u dan minkejja d-differenzi fil-kulur tal-ġilda, fin-nazzjon jew fir-reliġjon. Mons. Cremona żied jgħid li meta ngħixu fuq il-preġudizzji nkunu qegħdin immorru kontra l-maternità ta’ Marija.

L-Arċisqof Cremona sostna li lil Marija narawha wkoll fl-irwol ta’ solidarjetà meta marret tgħin lill-qariba tagħha Eliżabetta. Hu qal li nkunu verament Kristjani meta nuru solidarjetà ma’ dawk li qed jiġu fostna. L-Arċisqof talab lill-awtoritajiet ta’ pajjiżna biex jagħmlu dak kollu li jistgħu u jsolvu din il-problema anke fil-kuntest ta’ solidarjetà mill-Ewropa. Hu qal ukoll li dan jitlob impenn internazzjonali biex kemm jista’ jkun dawn il-pajjiżi ma jibqgħux fil-gwerra.

Fl-okkażjoni tal-festa tal-Vitorja, l-Arċisqof fakkar li l-Papa Franġisku talab lill-Insara biex jitolbu għall-paċi fid-dinja bl-interċessjoni ta’ Sidtna Marija. Hu qal li hekk għamlu l-antenati tagħna fil-gwerra meta kienu jkunu fix-shelters u hekk irridu nagħmlu aħna b’solidarjetà ma’ ħutna fis-Sirja u fil-Lvant Nofsani. L-Arċisqof Cremona sostna li l-ewwel dmir ta’ kull Nisrani hu li jħares lejn id-dinja madwaru u ma jibqax indifferenti.