Meta nesaġeraw fil-festi ntebbgħu l-virtù tar-reliġjon – L-Isqof Grech

L-Isqof ta’ Għawdex Mons. Mario Grech qal li l-moderazzjoni hi regola tad-deheb li tgħinna norganizzaw aħjar il-passjonijiet li hemm fina.
Waqt l-Omelija fl-okkażjoni tal-Festa ta’ San Ġużepp fil-Qala, l-Isqof Grech spjega li meta tkun ikkontrollata, l-enerġija tibni l-persuna, imma f’każ kuntrarju, tista’ tkun qed il-qerda tal-individwu.
Qal li meta bniedem joqgħod lura, ikollu l-virtù li jwitti t-triq biex ikun hieni. Spjega li dan il-virtù neħtiġuh bħall-ħobx, għax hemm ir-riskju li l-bniedem jesaġera f’kollox.
L-Isqof Grech saħaq li “meta nesaġeraw fil-manifestazzjonijiet reliġjużi tagħna, inkunu ntebbgħu l-virtù tar-reliġjon.”
Sostna li ħafna drabi l-bniedem “dejjem jonqsu” u li “min hu bla rażan qisu bettija bla qigħ.”  Qal li l-moderazzjoni tgħid li l-bniedem ikun ħieles u jagħżel x’għandu jgħix meta jitkellem.
L-Isqof Mario Grech spjega li fil-ħajja tal-lum, ikun jaqbel li jitħaddem il-virtù tat-temperanza fi tliet oqsma partikolari:

  • Fil-mod kif nirrelataw mal-ġid materjali
  • Ir-relazzjoni tagħna man-natura tista’ tkun aktar meqjusa
  • Il-moderazzjoni tgħinna nibnu aħjar ir-relazzjonijiet ta’ bejnietna li normalment iserrħu fuq il-kumplimentarjetà sesswali tagħna.

  Ritratt: Facebook