“Meta mmur id-dar niekol u norqod waħdi” – direttur ta’ sptar

Għal kull wieħed u waħda minna, li nħossuna frustrati li qegħdin magħluqa fi djarna, għal kull min qed igerger dwar kemm hu diffiċli li taħdem mid-dar waqt li uliedna jitolbu attenzjoni kontinwa, jew kemm hu diffiċli li ma nistgħux nibqgħu ngħixu l-ħajja normali tagħna, din l-istorja għandha tipprovdi perspettiva dwar kemm aħna fortunati.

Din hija l-esperjenza ta’ Federica Pezzetti, li għandha 37 sena, u hija direttur mediku fi sptar fi Cremona fit-tramuntana tal-Italja, li ġiet intervistata mill-gazzetta Taljana, La Repubblica. Hi qed taħdem f’wieħed mir-reġjuni Taljani li ntlaqat l-agħar minn din il-pandemija, u hawn titkellem dwar id-diffikultajiet li qed tiffaċċja għax hi qed ikollha żżomm il-bogħod mill-familja tagħha.

“Waħda mill-aktar affarijiet diffiċli għalina l-ommijiet mediċi huwa l-fatt li ma nistgħux ngħannqu lil uliedna. Ħafna minna issa qed inċedu, u nitolbu l-għajnuna ta’ psikologi,” qalet Federica. Kliemha jirriflettu l-esperjenza li bħalissa għaddejjin minnha l-ħaddiema kollha fil-kura tas-saħħa, li qed jaħdmu lejl u nhar biex isalvaw il-ħajjiet ta’ persuni milquta mill-virus.

Pezzetti qalet: “Ilni aktar minn ġimgħatejn ma ngħannaq lil ibni. Minn meta s-sitwazzjoni saret daqshekk diffiċli, jien u ommijiet oħra, u tobba u infirmiera mill-isptar tagħna kellna nieħdu prekawzjonijiet fi djarna. Ippruvajt nispjega dan lil ibni li għandu seba’ snin, u għidtlu l-verità. Meta mmur id-dar, niekol waħdi, ma nersaqx viċin ir-raġel tiegħi, norqod f’kamra waħdi, noqgħod attenta ħafna.”

Nipproteġu l-ħaddiema tal-isptar
Filmat: L-MUMN titlob coveralls għall-infermiera

Federica tispjega kif il-professjonisti kollha fl-isptar tagħha jibqgħu jaħdmu sa tard bil-lejl, u jerġgħu lura lejn l-isptar l-għada filgħodu, biex jgħinu lil kull min għandu bżonn. Kulħadd jgħin lil xulxin u jagħmel dak li jkun meħtieġ, mingħajr rwoli. Hi titkellem dwar il-biża’, il-ħtieġa ta’ prekawzjoni, u l-frustrazzjoni li ma jistgħux jgħinu lil kulħadd. 

Tassew huwa tajjeb li napprezzaw il-fatt li f’dan il-mument il-ħaddiema kollha li qed jaħdmu fl-isptarijiet madwar id-dinja huma l-eroj tal-lum.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn