Meta misshom waqfu jkellmu lil Yorgen Fenech?

REUTERS Yara Nardi

Kulħadd jaf min hu Yorgen Fenech.

  • Huwa akkużat b’kompliċità fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.
  • Huwa wkoll is-sid tal-kumpanija 17 Black. Skont l-awdituri ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri din il-kumpanija kellha tgħaddi eluf ta’ ewro kuljum lil Schembri u Mizzi. Il-proġett li kellu x’jaqsam fih Yorgen Fenech kif ukoll Konrad Mizzi (b’Keith Schembri aktarx fl-isfond) kien dak tal-Electrogas. Mizzi u Schembri jiċħdu bil-qawwa li qatt ixxaħħmu.
  • 17 Black hija mdeffsa wkoll fl-iskandlu tal-windfarms f’Montenegro.
  • Huwa rappurtat li lill-pulizija qalilhom li jekk jingħata maħfra jikxef dwar il-korruzzjoni fl-Electrogas, fil-Montenegro, u ħafna korruzzjoni oħra fosthom min hu s-sid ta’ MacBridge.

Il-mistoqsija tqum waħedha: Nies fil-ħajja pubblika misshom tbiegħdu minn Yorgen Fenech u qatgħu kull kuntatt miegħu?

Il-multimiljunarji ma għamlu xejn

F’Novembru 2018, Reuters u Times of Malta kixfu li Fenech kien is-sid ta’ 17 Black.  Gasan Group, CP Holdings u Tumas Group (ix-shareholders Maltin fl-Electrogas) kienu qalu li mhux se jitolbu spjegazzjoni mingħand Yorgen Fenech dwar ir-rivelazzjoni xokkanti li kienet saret.  Gasan Group, CP Holdings u Tumas Group ma ddejqu xejn li jkomplu business as usual ma’ bniedem li fuqu kien hemm dell iswed faħma ta’ korruzzjoni.

Tifhimhom hux, imsieken, kulħadd irid jaqla’ x’jiekol. Kulħadd għandu familja. Ma tafx int, fil-business min hu lily white?

Il-multimiljunarji ma ħadux passi meta nstab li Fenech kien is-sid tal-kumpanija indikata bħala li se ‘titma’ lil Mizzi u Schembri iżda ħadu passi meta Fenech kien pubblikament dikjarat bħala suspettat li huwa dak li kkummissjona l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Il-PM jirraġuna bħall-multimiljunarji

Il-Prim Ministru Robert Abela qed jieħu l-istess pożizzjoni tal-multimiljunarji. Huwa qal li mhux problema li ministru jkollu relazzjoni, anke intima, ma’ Fenech wara li ħareġ li huwa s-sid ta’ 17 Black. Għall-Prim Ministru tkun problema biss jekk xi ħadd beda relazzjoni ma’ Fenech fil-15-il ġurnata minn meta ntqal pubblikament li Fenech suspettat sa meta ttella’ l-Qorti akkużat b’konnessjoni mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Mhux aċċettabbli li jgħid ‘no problem’ ma’ xi ħadd suspettat li kkorrompa ministru u Chief of Staff, iżda problema biss jekk suspettat fi qtil. Aħna nistennew li l-livell ta’ etika tal-Prim Ministru jkun ħafna ogħla minn dawk tal-multimiljunarji li qed jimpalaw il-miljuni mill-Electrogas.

Lanqas naqblu ma’ Delia

Lanqas ma naqblu mal-Kap tal-Oppożizzjoni li għalih ma jimpurtax li jkun hemm komunikazzjonijiet ma’ Fenech dwar affarijiet “mhux ta’ rilevanza” anke jekk dawn juru ċerta familjarità. Lanqas naqblu li la l-komunikazzjoni bdieha Fenech kollox sew li tkompliha. Lanqas li tista’ tgħid huwa li raġunament bħal dan mill-Kap tal-Oppożizzjoni juri ġudizzju politiku ‘fqir’ li jnaqqas il-kredibbiltà tiegħu.

Aħna nemmnu li meta f’Novembru 2018 ħareġ li Fenech huwa sid ta’ 17 Black allura Fenech missu sar verboten għal kull min huwa fil-politika, fil-ħajja pubblika u fil-kummerċ. Min għażel mod ieħor imissu jerfa’ responsabbiltà tal-għażla żbaljata li għamel.