Meta l-Maltin laqgħu lil San Pawl laqgħu lil Ġesù – l-Arċisqof

Read in English.

L-Arċisqof Charles Scicluna qal li meta l-Maltin laqgħu lil San Pawl, huma laqgħu wkoll lil Ġesù.

L-Arċisqof qal dan fil-Quddiesa tal-Konverżjoni ta’ San Pawl fil-Katidral tal-Imdina. Fl-omelija tiegħu, Mons. Scicluna fakkar kif San Pawl ġie Malta ma’ 275 persuna. Il-Maltin ta’ dak iż-żmien laqgħuh u b’hekk laqgħu wkoll lil Ġesù.

“Fl-esperjenza li jgħaddi minnha Pawlu fit-triq ta’ Damasku, il-Mulej Ġesù juri li huwa ħaġa waħda mal-komunità tal-fidi, mal-Knisja. Meta jkellmu jgħidlu: ‘Għaliex qiegħed tippersegwitani?’ ‘Min int, Mulej?’ jistaqsi Sawl. ‘Jiena Ġesù li qiegħed tippersegwita’.”

Mons. Scicluna staqsa kemm-il darba rrifletta fuqha din l-espressjoni l-Appostlu. Jgħid li lil dan ir-raġel Ġesù fafdah lill-komunità.

“Ġesù lil Sawl ma jgħidlux x’għandu jagħmel imma jafdah lill-Knisja. Mhuwiex Ġesù f’din l-esperjenza fit-triq ta’ Damasku li jgħidlu x’għandu jagħmel. Hu jindikalu fejn għandu jmur u jindikalu li se tkun il-komunità tal-fidili, ta’ dawk li jemmnu li se tgħidlu x’inhi r-rieda ta’ Alla għalih.”

Fi kliem l-Arċisqof hi ħaġa sabiħa li fil-festa tal-konverżjoni ta’ San Pawl wieħed japprezza kemm Ġesù jixtieq li jiġi skopert flimkien mal-ħniena tiegħu.

“Illum niltolbu maħfra wkoll ta’ kemm-il darba minflok niffaċilitaw il-laqgħa tal-umanità ma’ Ġesù, aħna l-familja tiegħu, kultant infixklu din il-laqgħa. Il-Mulej ħerqan li jiltaqa’ mal-bniedem. Kemm hi ħaġa sabiħa li nifhmu li jixtieq jaħdem fostna u permezz tagħna għall- konverżjoni tad-dinja. Aħna bir-raġun niċċelebraw qed din il-festa b’solennità kbira għax fil-konverżjoni ta’ dan ir-raġel hemm il-bidu tal-konverżjoni tagħna. Permezz tiegħu, tal-miġja tiegħu fostna, il-Mulej stedinna biex insiru parti mill-Knisja, parti minn dawk li ħadu d-dawl u saru dawl għad-dinja.”

L-Arċisqof ħeġġeġ lil dawk preżenti jitolbu l-grazzja biex il-konverżjoni ta’ San Pawl tkompli tħalli fir-ruħ tagħhom “dak il-frott sabiħ ta’ għaqda u paċi li l-Mulej jixtieq għall-Knisja tiegħu.”