Filmat: “Meta l-art naraw kif nagħmluha flus, nidinbu u nfarrku lilna nfusna”

“Meta biċċa art naraw kif nagħmluha flus, inkunu qed nidinbu u nfarrku lilna nfusna.”
L-Arċisqof Charles Scicluna qal dan waqt il-preżentazzjoni tal-punti ewlenin tal-Enċiklika l-ġdida tal-Papa Franġisku Laudato Sì, li ġiet tradotta għall-Malti u preżentata lill-folla kbira ta’ nies preżenti fil-bitħa tas-Seminarju f’Tal-Virtù fir-Rabat.
Bit-tisfir tal-għasafar fl-isfond, Mons. Scicluna ddeskriva l-Enċiklika bħala innu ta’ ringrazzjament lill-Ħallieq. Semma kif l-Enċiklika hi bħal oħtna li qed tipprotesta għall-ħsara meta l-ġid li tana Alla jitħaddem u jintuża b’mod irresponsabbli.
Qal li "d-dar komuni tagħna hi bħal oħtna, li magħha naqsmu ħajjitna, bħal omm li tilqagħna f’dirgħajha."
Id-dnubiet moderni
L-Arċisqof ikkwota lista ta’ dnubiet moderni mniżżla fl-Enċiklika li jinkludu l-qerda tal-biodiversità, tal-art u t-tniġġis.
Saħaq dwar dak li qal il-Papa li d-dmirijiet lejn in-natura jiffurmaw parti mill-fidi nisranija, mingħajr ebda għażla.
“Jekk xi ħadd irid jixtri l-għalqa tiegħi, ma jfissirx li għandi nbiegħha”
Mons. Charles Scicluna saħaq li hemm ħtieġa li nagħtu importanza lill-ispazju. Spjega li dan mhux lussu, imma bżonn. Qal li għandna tendenza li kif naraw għalqa tajba għall-bini, anke jekk mhux fl-ODZ, inkunu rridu nagħmluha flus.
“Jekk xi ħadd irid jixtri l-għalqa tiegħi, ma jfissirx li għandi nbiegħha,” żied jgħid l-Arċisqof. Saħaq li meta neqirdu l-ispazju nitilfu valur li jagħtina ħajja aħjar.
L-Arċisqof qal li l-art hi wirt wieħed komuni li jitgawda minn kulħadd u min għandu parti minnu għandu jużah b’rispett. Sostna li l-piż li għandha kull biċċa art hu d-dover tas-sid li jużaha għall-ġid komuni. Iddeskriva l-art sfruttata bħala ħlejqa fqira.
Lil Mons. Scicluna, laqtu dak li kiteb il-Papa Franġisku, li kull ħlejqa għandha funzjoni, u m’hemm xejn bla sens.
“Il-politiċi għandhom responsabbiltà ferm ikbar mis-suċċess elettorali”
Mons. Charles Scicluna qal li fil-Laudato Si, il-Papa jgħid li l-politiċi jaraw biss sal-ponta ta’ mneħirhom, filwaqt li saħaq li għandhom responsabbiltà ferm ikbar mis-suċċess elettorali. Ħeġġeġ għal dibattiti onesti u trasparenti.
Semma wkoll kif l-għadu tal-ambjent hu l-korruzzjoni u li minkejja kollox xorta jsir dak li jsejjaħlu “xorta ta’ ftehim stramb.”
Saħaq li wieħed m’għandux jibża mill-prezz li jħallas meta jitkellem. 
“M’hemmx kunflitt bejn ix-xjenza u l-fidi”
L-Arċisqof sostna li m’hemmx kunflitt bejn ix-xjenza u l-fidi. Qal li fl-Enċiklika l-Papa jagħmel referenza għax-xjenza bħala “l-istrument li bih nisimgħu l-għajta tal-art u li jgħinna nagħmlu kunsiderazzjonijiet morali.”
Semma kif il-Papa jikkritika t-teknokrazija li hi l-poter li ngħata lit-teknoloġija, u jenfasizza biex meta wieħed joħloq xi ħaġa, jagħmilha b'mod sostenibbli.
"Eżami tal-kuxjenza mhux tajjeb jekk ma jitrattax ir-relazzjoni tal-bniedem mal-ambjent"
L-Arċisqof semma kif il-Laudato Si hi mibnija fuq il-kunċett tal-ekoloġija integrali, bħala mudell li jfisser ir-relazzjonijiet fundamentali tal-persuna: ma’ Alla, magħha nnifisha, mal-oħrajn u man-natura.  Jisħaq li l-eżami tal-kuxjenza ma jsirx tajjeb jekk ma jitrattax ir-relazzjoni mal-ambjent.
“Irridu negħlbu l-kultura tal-iskart bi stil ta’ ħajja li jevita l-ħela”
L-Arċisqof irrefera għall-kapitlu tal-Enċiklika fejn il-Papa enfasizza dwar l-edukazzjoni u l-ispiritwalità ekoloġika, fejn saħaq dwar stil ieħor ta’ ħajja biex negħlbu l-kultura tal-iskart.
“Stil ta’ ħajja li jevita l-ħela, nagħmlu kollox bil-qies, bir-rażan,” jikkwota l-Arċisqof lill-Papa. Semma kif 30% ta’ dak li nsajru narmuh.
L-Arċisqof jitlob lill-politiċi biex mal-Knisja jassiguraw ħajja sostenibbli
Saħaq li l-Knisja f’Malta hi impenjata li tieħu kliem il-Papa b’serjetà u sostna li “m’għandna l-ebda dritt nippretendu li ħaddieħor jagħmel xi ħaġa, jekk ma nkunux aħna l-ewwel li nagħtu l-eżempju.” Qal li hemm bżonn “politika li timxi fuq il-gwida li qed jagħtina l-Papa Franġisku.”
L-Arċisqof wiegħed lill-Istat Malti li l-Knisja se tikkollabora miegħu u fejn hemm bżonn tikkritika b’sens ta’ lealtà.  Saħaq li l-Knisja m’għandha l-ebda pretensjoni li tieħu l-irwol tal-politiċi. Madanakollu talabhom biex flimkien mal-Knisja jassiguraw ħajja sostenibbli u ta’ rażan. Semma d-dmir ta’ deċiżjonijiet għaqlin biex lill-ġenerazzjonijiet li ġejjin inħallulhom Malta sabiħa. Insista dwar ħidma bi spirtu ta’ rikonċiljazzjoni u onestà.
Preżenti kien hemm il-Ministru tal-Ambjent Leo Brincat, is-Segretarju Parlamentari Michael Falzon, il-Presidenti Emeriti, id-Deputati Nazzjonalisti Jason Azzopardi u Ryan Callus, l-eks-Prim Ministru Lawrence Gonzi, il-Kummissarju tat-Tfal Helen D'Amato u rappreżentanti ta’ għaqdiet ambjentali u mill-parroċċi.
Dawk li attendew ingħataw kopja tal-Enċiklika bil-Malti.
Tista' tara t-test sħiħ tal-Enċiklika Laudato Sì hawn.
Filmat: Reel8 Productions