Meta l-anzjanità tkun fażi li fiha tkompli teċċella…

L-anzjanità tista’ tkun fażi tal-ħajja li fiha l-persuna tkompli teċċella.
Hekk għamlu Angelo Zahra, Richard Borg, Carmel Azzopardi u l-koppja Carmelo u Melita Psaila, li kienu fost l-anzjani li spikkaw waqt il-Premju Anzjanità Attiva 2017.
L-attività, organizzata mis-Segretarjat Parlamentari għall-Anzjanità Attiva, saret proprju fix-xahar iddedikat għall-anzjani, u għaliha kien hemm rekord ta’ 76 applikazzjoni.
Fost l-oħrajn, il-Premju Anzjanità Sportiva ngħata lil Borg, atleta anzjan li għadu attiv b’xogħol amministrativ b’mod volontarju lejn waħda mill-iskejjel tal-atletika f’pajjiżna li tittrenja total ta’ 72 tifel u tifla.
Il-Premju Anzjanità Akkademika mar għand Azzopardi, li bl-abbiltajiet teknoloġiċi tiegħu għen fi proġetti innovattivi fil-qasam tal-enerġija rinovabbli u trasport nadif. Saħansitra għen sabiex jiġi żviluppat Smart Solar fuq opra tal-baħar li ġibed l-attenzjoni ta’ nies, kemm lokali u anke internazzjonali.
Il-Premju Koppja Miżżewġa ra lill-koppja Psaila tiċċelebra lealtà xiħa 66 sena.
Finalment, il-Premju Anzjanità Attiva 2017 irrikonoxxa lil Angelo Zahra, persuna attiva ferm kemm f’kumitati, u kemm fil-volontarjat. Hekk kif irtira, ħa t-tmexxija b’mod volontarju ta’ Fondazzjoni li tmexxi tliet residenzi għal persuni b’diżabilità.
Is-Segretarju Parlamentari Anthony Agius Decelis faħħar l-anzjanità attiva u l-ġid li għamlu dawn l-anzjani fis-soċjetà.
Matul is-serata ngħata wkoll Life Time Achievement Award, li ntrebaħ minn Joe Debono Grech, persuna li ħadmet ħafna tul ħajjitha u huwa ta’ eżempju ċar ta’ Anzjanità Attiva. Huwa persuna li għalkemm illum huwa rtirat, kullħadd jaf li dejjem ħadem u ħares l-interessi tal-ħaddiema. Kien ilu wkoll jirrappreżenta lill-poplu Malti u Għawdxi fil-Parlament għal 41 sena, fejn serva f’diversi karigi. Illum għadu jaħdem bl-istess grinta għal ġid tal-poplu Malti u Għawdxi.
Ritratt: DOI – Jason Borg