Meta l-aħjar li tixtri? Fil-Black Friday jew fis-Cyber Monday?

Ħa nibdew minn hawn. Fl-Istati Uniti hemm dik il-ġurnata magħrufa bħala Thanksgiving li din is-sena se taħbat nhar il-Ħamis 28 ta’ Novembru. Għal din l-okkażjoni, li hija vaganza pubblika f’dak il-pajjiż, il-ħwienet joffru prodotti tassew imraħħsa.  Dawn isiru f’dak iż-żmien fi ġranet magħrufa bħala Black Friday u Cyber Monday. Imma liema hi l-aħjar ġurnata biex tixtri bl-irħis?

Bosta għandhom l-idea li fi Black Friday wieħed isib l-aqwa prodotti bl-irħas prezzijiet jekk imur jixtri fiżikament minn xi ħanut, imiss l-oġġett b’idejh u jħallas fil-post. Mentri għal xi wħud, Cyber Monday hija dik id-data meta l-kumpaniji online jagħmlu l-bejgħ tagħhom bl-irħis u x-xiri jsir minn quddiem l-iscreen tal-kompjuter, tal-mobajl jew tal-ipad. Imma r-realtà hi li l-kumpaniji li jbigħu online iraħħsu l-prezzijet anki fi Black Friday.

Min hu midħla tax-xogħol jgħidlek li jekk se tixtri oġġetti kbar ikun jaqbel li tixtrihom minn ħanut fil-ġurnata ta’ Black Friday. Iżda l-aħjar u l-irħas xirjiet għal oġġetti żgħar, jew li għandhom x’jaqsmu mal-elettronika, l-aħjar xiri jsir f’Cyber Monday. Anzi f’Cyber Monday issib ukoll prezzijiet orħos minn dawk ta’ Black Friday.

Għall-bidu l-aħjar jum għax-xiri kien Black Friday. Imma meta beda s-Cyber Monday dan qabad ritmu tajjeb u issa, għallinqas fl-Istati Uniti, rebaħ lill-Black Friday.

Ted Donath, il-Viċi-President tal-kumpanija Honey, qal li skont ir-riċerka li għamlu sabu li s-sena l-oħra, il-konsumaturi ras għal ras f’Cyber Monday iffrankaw 21% waqt li dawk fi Black Friday iffrankaw 18%. Għalhekk jidher li dawk tal-ewwel għamlu l-akbar akkwisti bl-irħas prezzijiet.

Iżda r-regola ġenerali tibqa’ li jekk se tixtri oġġett ta’ darba, bħal xi TV, jkun jaqbel li tagħmel ix-xirja fi Black Friday u għal xi rigali, l-ikbar roħs fil-prezz għall-istess oġġett issibu fis-Cyber Monday.