Meta jkollok l-HIV, kollox jaħdem kontrik – Joseph

“Meta jkollok l-HIV anke sempliċi riħ jaħdem kontrik” spjega Joseph* waqt il-Programm Follow Up fuq RTK 103FM.
Hekk kif issokta bl-istorja tiegħu dwar kif ingħata l-HIV minn bniedem li jemmen li kien jaf li għandu din il-marda, Joseph spjega l-kalvarju tiegħu sakemm, bl-għajnuna tat-tobba u l-infermiera f’Mater Dei, sab mezz kif din il-marda, potenzjalment qerrieda, seta’ jikkontrollaha.
Tkellem dwar kemm hi kiefra s-solitudni li wieħed ma jistax jitkellem li jkollu din il-marda għax ikun iġġudikat u mwarrab.
Irrefera wkoll għan-nisġa ta’ gideb u nofs veritajiet li jkun irid jgħid biex jipproteġi l-privatezza tiegħu.
Joseph jgħid ukoll li din il-marda hija mhux biss fuq persuni omosesswali imma wkoll fuq persuni eterosesswali u jħeġġeġ biex min jissuspetta li għandu l-HIV, jersaq għall-kura b’kunfidenzjalità assoluta għax għajnuna hemm, imma wieħed irid ifittixha.
*Joseph huwa isem fittizju

It-tieni parti ta’ din l-intervista se tinstema’ fuq Follow Up immexxi minn Sylvana Debono, illum fil-5pm.