“Meta jkollhom jieħdu deċiżjoni iebsa, huma jbatu magħkom” – L-Isqof Grech

L-Isqof Mario Grech qal li meta s-superjuri li jakkumpanjaw liż-żgħażagħ waqt il-formazzjoni tagħhom biex isiru qassisin ikollhom jieħdu deċiżjoni iebsa huma jbatu magħhom ukoll.

Waqt l-omelija tiegħu fl-okkazjoni tal-bidu tas-sena formattiva fis-Seminarju t’Għawdex, l-Isqof Mario Grech qal li s-smigħ mhux eżerċizzju ħafif u jkun hemm mumenti fejn wieħed ma jifhimx xi deċiżjoni li tkun ittieħdet mis-superjuri. Saħaq li madankollu s-superjuri jħobbuhom ħafna bħalma missieri iħobb lil uliedu għalhekk ħeġġiġhom li jisimgħuhom u jħobbuhom.

Matul l-omelija tiegħu l-Isqof qal li s-saċerdot għandu jkollu  widnejh u qalbu miftuħa biex jisma’ lil Alla fit-talb imma partikularment fir-riflessjoni tas-saċerdot fuq il-kelma t’Alla. Semma li meta saċerdot jieħu falza stikka ma jkunx għamel biżżejjed ħin jisma’ x’qed jgħidlu Ġesù. Żied li huwa importanti li s-saċerdot għandu jżomm widnejh mal-art sabiex jisma’ l-karba tal-poplu li permezz tagħha jkun jista’ jisma’ x’qed jgħid l-ispirtu t’Alla.

L-Isqof  Grech fakkar li fuq kollox is-saċerdot għandu jisma’ lilu nnifsu għax ħafna drabi wieħed ikun jaf ħafna fuq ħaddieħor u jinsa lilu nnifsu. Dan jgħin biex wieħed jieħu ħsieb tiegħu nnifsu u ma jmurx jgħum f’baħar li huwa fond ħafna għalih.

Matul l-omelija tiegħu l-Isqof Grech qal li din l-okkażjoni hija għal qalbu ħafna u kien ikun ħerqan għal din iċ-ċelebrazzjoni għax fis-seminaristi jilmaħ kemm il-Mulej kien għadu jsejjaħ u ż-żgħażagħ iwieġbu għal din is-sejħa. Żied li huwa jara l-futur tal-Knisja f’Għawdex u jemmen li ż-żgħażagħ se jimxu il-passi tas-saċerdoti tad-djoċesi ‘missjunarja’ u jkunu għall-qadi tal-Knisja Universali.