Meta int tkun stressjat, il-kelb tiegħek ikun stressjat ukoll!

Skont riċerka li ħarġet dan l-aħħar fl-Iżvezja ħareġ biċ-ċar li meta sid ta’ kelb ikun stressjat, il-kelb tiegħu wkoll ikollu sintomi ta’ stressjar! Madankollu l-personalità tal-kelb qatt ma tgħaddi għand sidu.

Xjenzata li kienet fl-istħarriġ qalet li jekk aħna nitgħallmu aktar dwar kif il-klieb ikunu nfluwenzati mill-bnedmin inkunu wasalna fi stat li nistgħu nqabblu kelb ma’ sid u b’hekk ikun ta’ ġid għat-tnejn.

L-istħarriġ sar fuq  60 kelb u s-60 sidhom u x-xjenzati mill-università ta’ Linkoping studjaw li livell tal-cortisol, l-ormoni tal-istress, f’kampjuni mix-xagħar kemm tal-klieb kif ukoll ta’ sidhom. Il-bnedmin li kellhom livell għoli ta’ cortisol kienu l-istess daqs kemm kien għoli l-cortisol tal-klieb tagħhom. B’hekk ħareġ ċar li l-kelb jirrifletti l-istress li jkun għaddej minnu sidu.

“Għalhekk,” intqal fl-aħħar, “jekk tirrabja ma’ xi ħadd quddiem il-kelb tiegħek, anki hu jista’ jkun irrabjat!”