Illejla: Meta l-kurżitajiet ikunu dwar l-Intriċċi

Read in English.

Illejla fid-9pm, Stephanie Chircop se tkun qed tippereżenta t-12-il programm mis-sensiela Teleserje, fejn matulu jitwasslu bosta kurżitajiet minn sensiliet ta’ suċċess li kienu xxandru tul is-snin fuq l-istazzjon Net.

Fadal żewġ programm sat-tmiem l-ewwel staġun ta’ din is-sensiela u d-drama li se tiġi diskussa llejla hija s-soap opera Intriċċi ta’ Joe Gatt, li kellha produzzjoni ta’ Herman Bonaci li huwa l-mistieden fl-edizzjoni tal-llejla flimkien ma’ Frida Cauchi.

Illejla Herman u Frida se jkunu qed jitkellmu dwar ħafna sitwazzjonijiet li seħħu minn wara ‘l kwinti kif ukoll anki dwar din l-istorja b’kitba ta’ Joe Gatt li kienet tittratta żewġ familji sinjuri, il-familja Caruana u l-familja Camilleri. Fihom il-piki, lussu, regħba, korruzzjoni, infedeltà u l-ġlieda għall-poter jistgħu iwasslu għal kollox. Naraw kif il-piki ta’ bejn żewġ kuġini kissru familja u ħolqu bejniethom żewġ blokki kontra xulxin, mhux biss fin-negozju iżda fuq kull livell. Fuq naħa nsibu lil Xandru u Diandra Caruana, koppja miżżewġa flimkien ma’ uliedhom Mario, Carm, Maxi u Jackie, bint addottata. Fuq in-naħa l-oħra hemm Donny u Jennie Camilleri u wliedhom. Donny u Xandru huma kuġini iżda ma jarawx għajn għal għajn. It-tnejn huma żviluppaturi, involuti fin-negozju tal-propjetà.

Karattri ewlenin f’Intriċċi

L-imgħoddi u l-konsegwenzi li ħalla jilgħab parti kbira f’dan il-kunflitt. Il-pika bejn iż-żewġ kuġini flimkien ma’ qrabthom ilha għaddejja żmien u qatt ħadd ma staħa juża kull mezz biex ikisser lil ta’ kontrihom… u l-pika ġġib aktar pika… u l-kompetizzjoni fin-negozju ssir battalja bla tarf li fiha jidħlu anki intriċċi familjari, sesswali u tal-poter. U la ż-żewġ gruppi jiġu minn xulxin, aktar jafu s-sigrieti ta’ xulxin u aktar lesti jagħmlu ħsara lill-oħrajn.