“Meta hemm spjegazzjoni naturali, id-diskors dwar id-demonju jkun fil-vojt” – l-Arċisqof

L-Arċisqof Charles Scicluna qal li fejn hemm spjegazzjoni naturali, kull diskors dwar il-frott tal-azzjonijiet tad-demonju jkun fil-vojt.
Fi tweet li ppublika lbieraħ filgħaxija, l-Arċisqof irrefera għal rapporti fil-midja u kummenti ta’ tħassib mill-ġenituri onlajn dwar l-isfida Charlie Charlie.
Hu mifhum li t-tfal qed jilgħabu l-logħba fl-iskejjel u b’riżultat tagħha xi wħud qed jispiċċaw imbeżża’ għax jissemma x-xitan.
Permezz tat-tweet tiegħu, l-Arċisqof jirreferi għall-fatt li hemm spjegazzjoni naturali għal dak li jseħħ fil-logħba, fejn lapes imqiegħed fuq ieħor, jiċċaqlaq sempliċiment minħabba ċaqlieq fl-arja riżultat tal-kawża naturali tal-gravità.
Bosta rapporti onlajn jispjegaw ukoll li m’hemm xejn sopranaturali fil-movimenti ta’ żewġ lapsijiet imqiegħda fuq xulxin f’din il-logħba.