Meta f’darkom hemm il-Madonna, ix-Xitan ma jersaqx

F’quddiesa li ċċelebra fil-Bażilika ta’ Santa Maria Maggiore f’Ruma, fl-okkażjoni tat-Transulazzjoni tal-ikona tal-Madonna Salvazzjoni tal-Poplu Ruman, il-Papa ħeġġeġ biex tkompli tikber id-devozzjoni lejn il-Madonna.
L-ikona kienet qed tittieħed lura f’din il-Knisja wara li kienet irrestawrata fil-Mużewijiet tal-Vatikan.
L-ikona tiġbed devozzjoni kbira mill-poplu ta’ Ruma u Papa Franġisku nnifsu spiss iżur din il-knisja biex jitlob quddiemha, partikolarment qabel ma jkun se jagħmel xi Viżta Appostolika barra l-pajjiż.
Fl-omelija li għamel waqt il-quddiesa l-Papa tkellem fuq il-Madonna bħala Omm. “Il-preżenza tal-Omm tagħmel minn dan it-tempju dar ta’ familja għalina wliedha. U għalhekk naraw fil-Knisja “id-dar tagħna, id-dar fejn insibu s-serħan, il-konsolazzjoni, il-protezzjoni u r-refuġju”.
Hu qal li l-antenati tagħna għallmuna li f’mumenti diffiċli f’ħajjitna dejjem induru lejn il-Madonna, ninġabru flimkien “taħt il-mant ta’ Marija Omm Alla”.
Marija, qal il-Papa “tħares il-fidi tagħna, tipproteġi r-relazzjonijiet tagħna, issalvana fil-maltemp u teħlisna mit-tiġrib u l-ħażen. Meta l-Madonna Ommna hi fid-dar, ix-Xitan ma jidħolx”.
Meta nitolbu lill-Madonna, żied jgħid il-Papa, hemm talba li tgħid: “twarrabx it-talb tagħna”.
Marija qatt ma twarrab it-talb tagħna, anzi twieġbu mill-ewwel, l-istess kif mill-ewwel marret għand Eliżabetta meta din kellha bżonn l-għajnuna, kif jgħidilna l-Vanġelu.
Aħna nitolbu wkoll lill-Madonna biex teħlisna mit-tiġrib. “Alla nnifsu jaf li aħna għandna bżonn l-għajnuna u l-protezzjoni mill-ħafna perikli li niffaċċjaw f’ħajjitna. Hu għalhekk, minn fuq is-Salib, Ġesà afda lid-dixxiplu maħbub tiegħu Ġwanni u lilna lkoll, fil-Verġni Marija.
Il-Papa qal li bħal San Ġwann, għandna nieħdu lill-Madonna fi djarna, nistednuha tiġi fid-dar tagħna, f’qalbna u f’ħajjitna.
L-Insara ma jistgħux ikunu newtrali jew maqtugħa minn Ommna Marija għax inkella nitilfu l-identità tagħna bħala wliedha.
Għalhekk il-Papa Franġisku ħeġġeġ, “Ejja nagħmlu lil din l-Omm il-mistiedna tal-ħajja tagħna ta’ kuljum, bil-preżenza kostanti tagħha fi djarna, il-port tas-salvazzjoni tagħna”.