Meta d-dutrina tispiċċa ideoloġija jkun hemm possibbiltà ta’ xiżma

Il-Papa nieżel mill-ajruplan f'Ruma wara li kellem lill-ġurnalisti

Skont ġurnalista tan-New York Times, il-Papa Franġisku jinsab taħt attakk minn parti mill-Knisja Amerikana.  Hemm kritika qawwija minn Isqfijiet u xi Kardinali, stazzjonijiet televiżivi u sisti elettroniċi li huma kritiċi ħafna.  Hemm anke nies qrib ħafna tal-Papa li qed jitkellmu dwar kumplott kontrih.

Fi triqtu lura lejn il-Vatikan miż-żjara li għamel fil-Mozambique, Madagascar u l-Mauritius, Papa Franġisku kien mistoqsi jekk hux qed jibża’ li jkun hemm xiżma fil-Knisja fl-Amerika, u jekk hemmx xi ħaġa, forsi djalogu, li jista’ jagħmel biex iżomm dan milli jsir.

Il-Papa wieġeb li l-kritika dejjem tgħin. Meta xi ħadd ikun kritikat għandu mmedjatament jistaqsi lilu nnifsu: Dan li qed jingħad fuqi veru jew le? Kemm minnu hu verità?  Mill-kritika jien dejjem nieħu benefiċċju. Kultant il-kritika tirrabjak.  Imma hemm il-vantaġġi fiha.

Kritika

Papa Franġisku qal li ġurnalist tah ktieb bil-Franċiż dwar kif l-Amerikani jridu jibdlu l-Papa. “Kont naf bil-ktieb iżda ma kontx qrajtu”. Il-kritika m’hix ġejja biss mill-Amerikani, imma minn kullimkien, anke mill-Curia. Almenu dawk li jagħmluha huma onesti u juru min huma.

”Jien ma nieħux gost  meta l-kritika ssir bil-moħbi: jidħkulek u jikxfu snienhom, imbagħad jagħtuk daqqa ta’ stallet f’dahrek. Dan mhux ġust. Mhux uman. Il-kritika hi parti mill-binja u jekk il-kritika tkun inġusta, kun lest għal risposta u idħol fi djalogu biex tasal għall-konklużjoni t-tajba. Din hi d-dinamika ta’ kritika vera.  Min-naħa l-oħra, il-kritika velenuża li kont qed nitkellem dwarha hi dik li titfa’ l-ġebla u taħbi idek.

“Dan ma jagħmilx ġid, ma jgħinx. Jgħin biss lil klikkek żgħar li ma jridux jisimgħu t-tweġiba għall-kritika tagħhom. Għall-kuntrarju, il-kritika ġusta nħoss li hi miftuħa għal tweġiba. Dan hu kostruttiv.”

Dwar il-Papa jgħidu: Ma naqbilx mat-tali aspett ta’ dak li qed jagħmel, nikkritikah, ngħid dwaru, nikteb artiklu u ngħidlu biex iwieġeb. “Dan ġust. Li tikkritika bla ma tistenna risposta u bla ma tidħol fi djalogu ifisser li ma għandek il-ġid tal-Knisja għal qalbek, qed tiġri wara idea fissa, biex tibdel il-papa jew biex toħloq xiżma. Jien dejjem nilqa’ kritika ġusta”, qal il-Papa.

Diversi xiżmi

“Fil-Knisja kien hemm diversi xiżmi: Wara l-ewwel Konċilju Vatikan, meta ġew biex fl-aħħar jivvutaw dwar l-infallibiltà, kien hemm grupp li telqu u ffurmaw “Il-Knisja Kattolika Qadima” biex suppost jibqgħu mat-tradizzjoni tal-Knisja. Imma mbagħad żviluppaw b’mod differenti u bdew jordnaw il-qassisin nisa. Imma fil-bidu kienu riġidi, inħbew wara l-ortodossija u ħasbu li l-Konċilju kien żbaljat.  Kien hemm grupp ieħor li telaq inkiss, inkiss u ma vvutawx.

“Anke l-Konċilju Vatikan II kellu problemi simili. L-aktar magħrufa kienet il-firda ta’ Lefebvre. Fil-Knisja dejjem hemm l-għażla tax-xiżma. Dejjem. Hi għażla li l-Mulej iħalli fil-libertà tal-bniedem. Jien ma nibżax mix-xiżmi, imma nitlob biex ma jkunx hemm għax fin-nofs hemm is-saħħa spiritwali tal-poplu. Aħjar ikun hemm id-djalogu, aħjer jekk hemm żball nikkoreġuh, iżda x-xiżma hi anti-Kristjana.

“Il-poplu t’Alla dejjem jikkoreġi u jgħin. Ix-xiżma hi dejjem separazzjoni elitista ġejja minn ideoloġija maqtugħa mid-dutrina. Hi ideoloġija, forsi tajba, imma maqtugħa mid-dutrina. Għalhekk nitlob li ma jkunx hemm xiżmi, iżda ma nibżax minnhom. Dan hu riżultat tal-Konċilju Vatikan II. Mhux għax hemm dak jew dak il-Papa.

Moralità Evanġelika

Papa Franġisku żied jgħid lill-ġurnalisti: “L-affarijiet soċjali li jien nitkellem dwarhom huma l-istess affarijiet li tkellem dwarhom Ġwanni Pawlu II! Jien nikkupjah. Imma issa jgħidu li l-Papa hu komunist.  Qed idaħħlu l-ideoloġiji fid-dutrina u meta d-dutrina tiddaħħal fl-ideoloġija hemm ikun hemm il-possibiltà ta’ xiżma.

Hemm l-ideoloġija tal-primat ta’ moralità sterili dwar il-moralit tal-Poplu t’Alla. Ir-rgħajja jridu jmexxu l-merħla bejn il-grazzja u d-dnub għax din moralità evanġelika.

“Minflok, moralità bażata fuq ideoloġija ta’ dan it-tip twassal għal riġidità u llum għandna ħafna skejjel rigidi fil-Knisja, li m’humiex xiżma, imma żviluppi nsara psewd-xiżmatiċi li li jispiċċaw ħażin.

“Meta taraw insara rigidi, jkunu Isqfijiet, saċerdoti u oħrajn, warajhom hemm problema u mhux il-qdusija tal-Evanġelju. Għalhekk irridu nkunu ġentili ma’ dawk li jkunu ttentati minn dawn l-attakki, għaddejjin minn żmien diffiċli u rridu nakkumpanjawhom b’ġentilezza”, temm jgħid Papa Franġisku.