Filmat: L-Oppożizzjoni mhix se tipparteċipa fl-attivitajiet bil-PM Muscat

Aġġornat 09:22 PM

Read in English.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li l-Oppożizzjoni Nazzjonalista mhix se tipparteċipa fl-ebda attività li tinvolvi lil Joseph Muscat bħala Prim Ministru. Huwa qal dan il-Ħadd filgħaxija

f’messaġġ fuq l-istazzjon tal-Partit Nazzjonalista b’reazzjoni għall-messaġġ lin-nazzjon tal-Prim Ministru. Delia qal li Muscat ma semmiex liċ-Chief of Staff tiegħu Keith Schembri iżda ftaħar bil-powerstation il-ġdida li kienet fiċ-ċentru tal-iskandlu li kixfet.

Adrian Delia qal li Joseph Muscat ma fehemx ir-rabja tal-Maltin. Huwa qal li għandu rabja u stmerrija għal dak kollu li ġie kkonfermat fl-aħħar jiem.

Huwa saħaq li l-PN fadallu ħafna x’jagħmel biex jipperswadi aktar.

Fisser kif il-ħsara fuq il-postijiet tax-xogħol mhix se tissewwa f’ħakka t’għajn għaliex skont Delia, Muscat u sħabu waqqgħu ġieħ Malta.

“Messu ilu li rriżenja” – Delia dwar Muscat

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li Joseph Muscat messu ilu li rriżenja minn Prim Ministru. Huwa qal li Malta ma tistax tistenna ġurnata oħra għar-riżenja ta’ Joseph Muscat.

Fi tweet ippubblikata ftit tal-minuti wara li xxandar il-messaġġ lin-nazzjon tal-Prim Ministru Joseph Muscat Delia qal li kull ġurnata li jibqa’ jokkupa il-kariga se tkun ġurnata oħra fejn il-ġustizzja ma ssirx u lanqas tidher li qed issir. Stqarr li Joseph Muscat bħala Prim Ministru m’għandux leġittimità.

Fil-messaġġ lin-nazzjon li xxandar illejla fuq TVM, Joseph Muscat ħabbar li se jirriżenja f’Jannar li tikkonferma aħbar ta’ Newsbook.com.mt dalgħodu.