Messiah ta’ Handel f’Malta fi ftit ġimgħat

Il-famuża Messiah ta’ Handel mistennija tittella’ fit-12 ta’ Jannar fil-Pro-Katidral tal-Anglikani, b’risq l-appell favur ir-restawr tal-Valletta Skyline.
Dan il-kunċert se jkunu qed jipparteċipaw fih l-Orkestra Filarmonika ta’ Malta, is-soċjetà tal-kor mill-University of Western Australia, u l-Goldberg Ensemble.
Il-kor Awstraljan ġej Malta speċifikament biex jieħu sehem fil-kunċert li se jitmexxa minn Maestro Michael Laus u se jospita wħud mill-ikbar kantanti lokali bħal Gillian Zammit, Claire Massa, Juan Gambina u Albert Buttigieg.
Il-Koċermen tal-kumitat tal-għaqda favur ir-restawr tal-Valletta Skyline, Martin Scicluna, wiegħed li kull min jattendi se jkollu esperjenza mill-isbaħ li minnha se joħroġ ħafna ġid.
Il-kampanja Save Valletta’s Skyline tnediet fi Frar li għadda bl-għan li jinġabru €3 miljun li huma meħtieġa biex jiġu rrestawrati t-torri u l-ispiera tal-Pro-Katidral.
Jekk tixtieq tattendi dan l-avveniment tista’ tixtri l-biljetti mill-uffiċċju tal-biljetti tat-Teatru Manoel.