Messaġġiera jiċħdu li bagħbsu dokumenti tal-Qorti

Iż-żewġ messaġġiera tal-Qorti akkużati li ppruvaw jisirqu dokumenti marbuta ma’ każ illum tressqu l-Qorti quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud.

Iż-żewġ irġiel, wieħed ta’ 56 sena u l-ieħor ta’ 61 sena, huma akkużati li ppruvaw jisirqu u jbagħbsu dokumenti tal-qorti, li huma evidenza f’każ li qed jinstema’ l-Qorti.

Il-Prosekuzzjoni qalet li fis-27 t’April il-Qorti kkuntattjat lill-Pulizija dwar attentat ta’ serq tal-fajl f’każ miftuħ. Minnufih infetħet inkjesta dwar il-fajl nieqes.

L-investigazzjoni żvelat li messaġġier minnhom kien ġabar xi fajls li kellhom jingħataw lill-Maġistrat Neville Camilleri, imma minflok, dan għadda fajl minnhom lill-messaġġier sieħbu, li mbagħad poġġieh f’kexxun imsakkar f’kamra fil-Qorti, skont ma wera l-filmat tas-sigurtà.

It-tieni messaġġier qal li kien sab lill-messaġġier sieħbu barra minn awla 11, u dan qallu biex iżomm il-fajl. It-tieni messaġġier qal li ma kienx staqsa għaliex għax din ma kinitx l-ewwel darba li talbu jżommlu xi fajl.

Fost ix-xhieda kien hemm l-espert tat-telefonija Martin Bajada, li qal li l-irġiel ma kkuntattjawx lill-akkużat fil-każ tal-fajl konċernat direttament, imma permezz ta’ terza persuna.

Il-każ ikompli f’Settembru.