Messaġġ tal-Papa qabel iżur iċ-Ċili u l-Peru

Il-Qdusija Tiegħu l-Papa Franġisku bagħat messaġġ fuq video lill-poplu taċ-Ċili u l-Peru, żewġ pajjiżi li se jżur aktar tard dan ix-xahar fejn qalilhom li se jmur iżurhom bħala “pellegrin tal-ferħ tal-Evanġelju” biex jaqsam ma’ kulħadd il-paċi tal-Mulej u jikkonfermahom fit-tama.
Fil-messaġġ tiegħu l-Papa qal: “irrid niltaqa’ magħkom, inħares f’għajnejkom, nara wiċċkom u nkun kapaċi nesperjenza fostkom kemm Alla hu qrib tagħna, kemm iħobbna u l-ħniena li biha jgħannaqna u jikkonfortana”.
Il-messaġġ ikompli jgħid: Jien naf l-istorja ta’ pajjiżkom mimlija dedikazzjoni u determinazzjoni; nixtieq li magħkom nirringrazzja l’Alla għall-fidi u l-imħabba għal Alla u għal ħutna fil-bżonn, speċjalment għall-imħabba li intom għandkom għal dawk imwarrba mis-soċjeta’.
Il-Kultura tar-Rimi qed tkompli tinvadina.  Irrid naqsam magħkom il-ferħ, id-dwejjaq, id-diffikultajiet u t-tamiet u ngħidilkom li m’intomx weħidkom, imma l-Papa hu magħkom u li l-Knisja kollha tilqagħkom u tħares lejkom.
Irrid nesperjenza magħkom il-paċi li tiġi minn Alla u li hi tant meħtieġa; Hu biss jista’ jagħtihielna. Hi r-rigal li Alla jagħti lilna lkoll, is-sisien tal-ko-eżistenza tagħna u tas-soċjeta’; il-paċi ssostnina u tgħinha nsibu okkażżjonijiet ta’ għaqda u armonija. Irridu nitolbu l-Alla kontinwament għall-paċi u Alla jagħtihielna.  Hi l-paċi ta’ Kristu Rxoxt li ġġib il-ferħ u titlobna nsiru missjunarji li nġeddu l-għotja tal-fidi li twassalna għal-laqgħa Miegħu u flimkien naqsmu l-istess fidi.
Dik il-laqgħa ma’ Kristu Rxoxt tikkonfermana fit-tama. Ma rridux inkunu ankrati mal-affarijiet ta’ din id-dinja – ħarsitna trid tmur aktar ‘l hinn, għajnejna jridu jkunu ffukati fuq il-ħniena tiegħu li tfejjaq il-miżerji tagħna.
Hu biss jagħtina l-enerġija li nqumu u nkomplu għaddejjin. Biex inħossu dan, il-viċinanza t’Alla tagħmilna komunita’ ħajja kapaċi nimxu ma’ dawk li huma maġenbna u nieħdu passi deċisivi ta’ ħbiberija u fraternita’. Aħna aħwa li mmorru niltaqgħu ma’ oħrajn biex nikkonfermaw l-istess fidi u tama.
 Inpoġġi f’idejn l-Imqaddsa Verġni Marija, Omm l-Amerika, dan il-vjaġġ appostoliku u l-intenzjonijiet kollha li nġorr f’qalbi biex hi, bħala Omm twajba tilqagħhom u tgħallimna it-triq ta’ Binha.
 Narakom dalwaqt! U jekk jogħġobkom tinsewnix fit-talb tagħkom.