Messaġġ b’ittri kbar iwassal għal arresti fuq abbużi sesswali fuq tfal

Mara li quddiemha fuq l-ajpruplan kellha raġel jibgħat messaġġi b’ittri kbar irrealizzat li kien qed jippjana biex jabbuża sesswalment xi tfal ma’ xi ħaddieħor.
Il-mara, li xtaqet tibqa’ anonima, kienet fuq titjira interna fl-Istati Uniti minn Seattle għal San Jose, xħin setgħet tagħraf il-messaġġ minħabba l-ittri kbar u l-mowbajl żgħir.
Minnufih ħadet ritratt tar-raġel u infurmat lill-istaff, u dan wassal biex ir-raġel jiġi arrestat, u wara aktar investigazzjonijiet ġiet arrestata mara oħra, li ilha toħroġ mar-raġel sena.
Mill-messaġġi ġew identifikati żewġt itfal ta’ 5 u 7 snin li kienu fil-mira ta’ dil-koppja.
Is-Surġent Ditektiv tal-Pulizija ta’ San Jose, mal-qabda tal-koppja fl-ajruport, informa mill-ewwel lill-mara li sejħilha “eroj”, għax ammetta li li kieku ma kienx għall-intervent tagħha dawn l-irġiel kienu jiskappaw, u forsi jwettqu l-att atroċi tagħhom.
Rapporti fil-midja qalu li r-raġel baqa’ rilassat dwar l-inċident, anzi qal li dik kienet biss fantażija.
Ir-raġel, ta’ 50 sena, ġie akkużat b’żewġ attentati ta’ abbuż fuq tfal u zewġ attentati biex iħajjar lil ħaddieħor jagħmel hekk, filwaqt li l-mara, 50 sena wkoll, ġiet akkużata bi sfruttament ta’ minuri, stupru, u li dehret f’ritratti li wrew minuri jagħmlu atti sesswali.
Fir-ritratt: iż-żewġ akkużati