Meryl Streep tagħlaq 70 sena

Ritratt: Neon Tommy

Ġurnata speċjali għall-attriċi Meryl Streep li llum qed tiċċelebra għeluq is-70 sena tagħha.

L-attriċi twieldet fl-1949 u hija meqjusa bħala l-aqwa attriċi tal-ġenerazzjoni tagħha. Hija magħrufa għall-versatilità tagħha kif ukoll il-kapaċità li tirreċta b’aċċenti differenti.

Għandha f’idejha r-rekord ta’ nominazzjonijiet għall-Oscar, b’kollox 21, li minnhom rebħet 3.  Kellha wkoll 31 nominazzjoni għall-Golden Globe li minnhom rebħet 8. Fl-1978 kienet rebħet ukoll l-Emmy Award, l-Oscar tat-televiżjoni, għas-sehem tagħha fil-minisensiela  Holocaust.

Ritratt: Bernards High School, Bernardsville, New Jersey

Fatt interessanti dwar Streep hi li meta kienet iżgħar kienet titħarreġ fl-opra taħt il-gwida ta’ Estelle Liebling. Iżda Streep bdiet tiddejjaq u filfatt waqfet titħarreġ f’dan il-qasam biex saret cheerleader tal-iskola Bernards High School fi New Jersey.

Imbagħad iddeċidiet li ssir avukat iżda raqdet waqt eżami u ddeċidiet li l-liġi ma kienitx it-triq tagħha.

Imbagħad saret attriċi f’għadd ta’ partijiet li mill-ewwel ħallew impatt, fosthom The Dear Hunter, Kramer Vs Kramer u Sophie’s Choice.

Illum il-ġurnata huwa stmat li din l-attriċi tiswa’ mad-$90 miljun.

Hi tat bħala donazzjoni s-salarju tagħha għall-interpretazzjoni  tagħha fil-film The Iron Lady lin-National Women’s History Museum.

L-attriċi ilha miżżewwġa mill-1978 lil Don Grummer u żewġ uliedha bniet qed jimxu fuq il-passi tagħha. Grace filfatt ħadmet f’American Horror Story filwaqt li Mamie dehret f’The Good Wife.

Din is-sena Meryl Streep għamlet ir-ritorn tagħha fuq it-televiżjoni permezz tas-sensiela Big Little Lies.

L-attriċi, li rajniha dan l-aħħar fil-films ta’ Mamma Mia! u Mary Poppins fost oħrajn se nkunu qed narawha fiż-żmien li ġej f’mill-inqas tlett films oħra, fosthom Little Women fejn mistennija tinterpreta l-karattru ta’ Aunty March.