Merkel ukoll fi kwarantina wara żjara għand tabib

Il-Kanċillier Ġermaniża Angela Merkel spiċċat fi kwarantina wara li tabib li kien taha vaċċin kien infettat bil-coronavirus.

Il-kelliem għal Merkel qal li l-Kanċillier Ġermaniza, li għandha 65 sena, ġiet infurmata dwar il-każ tat-tabib f’qasir żmien wara li għamlet konferenza l-Ħadd fejn ħabbret il-miżuri l-ġodda li se jidħlu fis-seħħ biex jitnaqqas it-tixrid tal-vajrus.

Steffen Seibert, il-kelliem għall-Kanċillier, qal li Merkel ħadet il-vaċċin nhar il-Ġimgħa bħala prekawzjoni kontra l-infezzjoni fil-pulmun. Seibert qal li Merkel se tkun qed tagħmel it-testijiet meħtieġa fil-jiem li ġejjin u se tkompli b’xogħolha mid-dar sakemm tirkupra.

Aktar kmieni llum, Merkel esprimiet il-gratitudni tagħha lill-Ġermaniżi li kienu qed isegwu r-regola tad-distanza soċjali. Hi qalet li hu importanti li wieħed iżomm minn tal-inqas 1.5 metri bogħod minn dak li jkun biex jitnaqqas iċ-ċans li jinxtered il-vajrus.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn