Merkel tippreferi elezzjoni ġdida milli gvern b’minoranza

Il-Kanċillier Ġermaniż, Angela Merkel, qalet li tippreferi ssejjaħ elezzjonijiet bikrija milli tmexxi gvern ta’ minoranza, u dan wara li sa issa fallewlha t-taħditiet għal gvern ta’ koalizzjoni.
Il-Ħadd Merkel ma rnexxilhiex tikkonvinċi lil-liberali tal-FDP biex jingħaqdu mal-blokk politiku tagħha, iffurmat mill-Unjin Demokratika Kristjana u l-Unjin Soċjali Kristjana, flimkien mal-Ħodor, u għalhekk għad m’assiguratx il-maġġoranza fil-Parlament wara r-rebħa f’Settembru li għadda.
Dakinhar il-blokk politiku ta’ Merkel rebaħ, iżda ħafna votanti għażlu partiti oħra.
Sadanittant, anki l-President tal-Ġermanja, Frank-Walter Steinmeier, talab liż-żewġ naħat biex jirrikunsidraw il-pożizzjoni tagħhom għall-aħjar tal-Ġermanja.
Qed jingħad li din hi l-aktar sitwazzjoni diffiċli għal Merkel fi 12-il sena kemm ilha kanċillier, u eventwalment tista’ twassal għal kriżi politika fil-pajjiż, bl-effetti sussegwenti fuq l-Ewropa.
Uħud mill-membri fil-blokk ta’ Merkel xorta għadhom joħolmu b’koalizzjoni mad-Demokratiċi Soċjalisti (SPD) ta’ Martin Schulz, għalkemm l-istess partit kemm-il darba xejjen daċ-ċans.
Fl-elezzjoni ta’ Settembru li għadda, il-grupp tal-lemin estrem, l-AfD, b’politika anti-Iżlam u kontra l-immigrazzjoni daħal għall-ewwel darba fil-Parlament meta ġab 90 siġġu, u ħafna qed jaħsbu li jekk terġa’ ssir elezzjoni jistgħu jkabbru l-ammont.