Merkel tagħmel pressjoni fuq il-Greċja biex issolvi l-problemi

Il-Kanċillier Ġermaniż Angela Merkel wissiet li għandu jkun hemm qbil bejn il-Greċja u l-kredituri tagħha qabel is-summit tal-UE li se jsir b’emergenza nhar it-Tnejn li ġej.
Qalet ukoll li dan il-qbil huwa vitali biex titieħed deċiżjoni waqt is-summit tat-Tnejn li ġej.
Il-Greċja fadlila inqas minn ħmistax biex tilħaq qbil minħabba li l-Greċja għandha tħallas id-dejn ta’ €1.6 biljun lill-Fond Monetarju Internazzjonali sal-aħħar ta’ Ġunju.
Hemm ukoll tħassib dwar is-saħħa tal-banek Griegi wara rapporti li inġibdu aktar minn €4 biljun matul din il-ġimgħa.
Intant, ir-Russja qalet li se taċċetta li ssellef lil Greċja jekk titlob għal aktar għajnuna finanzjarja.
Jekk il-Greċja tfalli li tħallas lura d-dejn lill-Fond Monetarju Internazzjonali, tirriskja li titlaq mill-żona tal-Ewro kif ukoll possibilment anki mill-Unjoni Ewropea.