Merkel jirnexxiela ssolvi l-kunflitt dwar l-immigrazzjoni

Merkel
REUTERS/Hannibal Hanschke

Read in English.

Il-Kanċilliera Ġermaniża Angela Merkel irnexxiela tasal f’punt fejn il-membri konservattivi tagħha jilħqu ftehim dwar l-immigrazzjoni, wara li kunflitti interni fl-aħħar jiem setgħu wasslu għax-xoljiment tal-koalizzjoni.

Dan beda wara li t-Tnejn filgħaxija Merkel tkellmet mal-Ministru għall-Intern tagħha li ftit qabel kien għadu kemm hedded li se jirreżenja.

Il-laqgħa mal-Ministru Horst Seehofer, il-mexxej tal-Bavaria’s Christian Social Union (CSU) damet għaddejja propju ħames sigħat.

Skont Reuters, Seehofer spjega li ladarba ntlaħaq ftehim mal-partit Kristjan Demokratiku ta’ Merkel dwar l-immigrazzjoni mhux se jirreżenja.

Seehofer spjega li l-ftehim se jwassal sabiex jipprevjenu l-immigrazzjoni illegali fuq il-fruntiera bejn il-Ġermanja u l-Awstrija.

Dan se jkun qed iħalli lil Merkel tkompli l-ħidma tagħha fit-tmexxija tal-Gvern Ġermaniż, madanakollu xorta qed jitqajjmu ħsibijiet dwar jekk il-mara li ddominat il-politika għal dawn l-aħħar 12-il sena hux se jirnexxiela ttemm dan it-terminu tagħha wkoll.