Merkel fiduċjuża dwar ftehim mal-Greċja

Il-Kanċillier Ġermaniż Angela Merkel għadha fiduċjuża li l-Greċja tilħaq ftehim mal-kredituri tagħha, jiġifieri mal-UE, mal-Fond Monetarju Internazzjonali u mal-Bank Ċentrali Ewropew minkejja li d-diskussjonijiet fallew nhar il-Ħadd.
Merkel sostniet li l-pajjiż qed jagħmel minn kollox biex il-Greċja ma jkollhiex għalfejn toħroġ mill-ewro imma saħqet li l-pajjiż irid idaħħal riformi.
Il-Kanċillier Ġermaniż kienet qed titkellem ftit biss qabel ma tibda laqgħa tal-Ministri tal-Finanzi taż-żona ewro, fil-Lussemburgu.
Il-Greċja baqgħalha biss ġimagħtejn biex tasal għal ftehim dwar id-dejn inkella tiffaċċja dikjarazzjoni ta’ falliment hekk kif għandha tagħti b’€1.6 biljun lill-Fond Monetarju Internazzjonali.
Iktar kmieni dan ix-xahar, ma kellhiex biex tħallas pagament ta’ €300 miljun u kienet qablet, mal-kredituri tagħha, li tgħaqqad dan il-pagament ma’ oħrajn dovuti sal-aħħar tax-xahar.
Hekk kif diversi partijiet qed iħeġġu lill-Greċja biex tasal għal ftehim, il-Griegi niżlu fit-toroq t’Ateni lbieraħ filgħaxija, b’appoġġ għall-pożizzjoni tal-Prim Ministru Alexis Tsipras li ma jridx idaħħal miżuri t’awsterità.
L-ikbar għadma iebsa bejn iż-żewġ naħat jidher li hi l-pensjonijiet hekk kif l-UE qed tinsisti li fost ir-riformi għandu jkun hemm tnaqqis fil-pensjonijiet imma l-Greċja ma tridx tmisshom.