Merkel, Erdogan jaqblu dwar tisħiħ għall-proċess ta’ paċi fil-Libja

Read in English.

Il-Kanċillier Ġermaniż Angela Merkel iddiskutiet il-kunflitt fil-Libja u s-sitwazzjoni fil-Lvant tal-Mediterran matul telefonata bil-filmat mal-President Tork Tayyip Erdogan. Dan qalu kelliem għal Merkel f’dikjarazzjoni nhar it-Tlieta.

It-Turkija qed tappoġġa lill-gvern Libjan li huwa rikonoxxut internazzjonalment fi Tripoli, fil-kunflitt kontra l-Armata Nazzjonali Libjana (LNA), grupp li huwa appoġġat mir-Russja, l-Emirati Għarab Magħquda u l-Eġittu. Hu mifhum li Ankara trid tistabbilixxi preżenza militari permanenti fil-pajjiż.

Skont l-istqarrija, Merkel u Erdogan qablu li għandu jkun imsaħħaħ il-proċess ta’ paċi li huwa ffinanzjat min-Nazzjonijiet Magħquda biex tingħata għajnuna lil-Libja, li ilha mifnija minn ġlied għal dawn l-aħħar xhur.

Nhar it-Tnejn, Franza, l-eqreb alleat Ewropew tal-Ġermanja, ikkritikat ir-rwol tat-Turkija fil-Libja li qed isir dejjem “aktar agressiv”.