Merjen terġa’ tixxandar mil-lejla

Mil-lejla fid-9pm l-istazzjon One se jkun qed ixandar il-miniserje fi tlett puntati Merjen tat-Take2 Entertainment. Is-serje ibbażat fuq fatti vera hija storja ta’ Salvu Mallia b’addattament għat-televiżjoni minn Carlos DeBattista u direzzjoni ta’ Abigail Mallia.

Merjen hija drama fi tlett partijiet li tirrakkonta l-ġrajja ta’ mħabba mqanqla bejn Bertu u Merjen, żewġ żgħażagħ illi minn tfulithom kienu miġbudin lejn xulxin. Il-hbiberijja bejn it-tfal tinbidel f’passjoni feroċi hekk kif it-tnejn jikbru u jispiċċaw isiru maħbubin.

Bertu ma jkunx għal qalbu hawn Malta u la darba jitlaq biex ifassal ħajtu barra minn xtutna, Merjen issib ruħha waħedha.

Meta Bertu jerġa’ lura, huma jkomplu bir-relazzjoni tagħhom minn fejn kienu telquha sentejn qabel.

Iżda Bertu mhuwiex l-istess raġel li kienet tiftakar Merjen u meta hija tgħidlu illi fiż-żmien li kien imsiefer hi kienet iltaqgħat ma’ ġuvni Ingliż li minnu kellha trabijja, l-għira tagħmih.

Bertu jsir aktar u aktar vjolenti u abbussiv u aktar ma timxi l-istorja aktar naraw kif l-imħabba ta’ bejnu u bejn Merjen tibda tieħu xejra xejn sabiħa.