Merill SICAV plc tiċċelebra tliet snin ta’ suċċess ta’ żewġ sotto-fondi tagħha

Read in English.

Merill Funds, mħaddma minn Jesmond Mizzi Financial Advisors Ltd (JMFA), qed tiċċelebra tliet snin ta’ suċċess mit-tnedija ta’ tnejn mis-sotto-fondi tagħha: Merill Global Equity Income Fund (MGEIF) u Merill High Income Fund (MHIF).

Dawn iż-żewġ sotto-fondi ġew imnedija f’April tal-2017, bil-għan li jiġġeneraw tkabbir fit-tul u dħul fuq bażi trimestrali. Il-MGEIF għandu l-għan li jikseb it-tkabbir tal-kapital u d-dħul minn portafoll diversifikat mifrux bejn il-pajjiżi u s-setturi, filwaqt li l-MHIF għandu l-għan li jipprovdi dħul kurrenti għoli b’apprezzament potenzjali tal-kapital u jinvesti f’titoli bi dħul fiss mad-dinja kollha.

Iż-żewġ sotto-fondi joffru klassijiet ta’ ishma ‘accumulator’ u ‘distributor’, u l-MHIF joffri wkoll klassi ta’ ishma GBP Hedged. Kemm il-MGEIF kif ukoll il-MHIF ġew imħaddma b’suċċess għal tliet snin u esperjenzaw tkabbir konsistenti fl-assi mmaniġġjati. Il-MGEIF laħaq kważi tnax-il miljun euro (€ 11.7 m) u l-MHIF qabeż it-tmienja u erbgħin miljun ewro (€ 48.2 m) fl-aħħar ta’ April tal-2020. Fit-tielet anniversarju mit-tnedija tagħhom, iż-żewġ sotto-fondi bdew jiġu kklassifikati minn Morningstar Inc.

Merill SICAV plc toffri erba’ strateġiji distinti, kollha diversifikati ħafna u mmirati biex jiġġeneraw tkabbir fit-tul. L-ewwel sotto-fond, il-Merill Total Return Income Fund (MTRIF) tnieda b’kapital ta’ avvjament inizjali ta’ € 15-il miljun fi Frar tal-2016, u kiseb il-klassifikazzjoni ta’ Morningstar tiegħu lura fl-2019. Il-MGEIF u l-MHIF ġew imnedija sussegwentement, sena wara fl-2017. Il-klassi ġdida ta’ ishma GBP Hedged tal-MHIF ġiet imnedija fl-ewwel kwart tal-2019 u r-raba’ u l-aħħar żieda għall-firxa tal-fondi, il-Merill Strategic Balanced Fund bil-klassi ta’ ishma USD ‘Accumulator’ tnieda f’Ottubru tal-2019.

Jesmond Mizzi, Direttur Maniġerjali ta’ Jesmond Mizzi Financial Advisors esprima s-sodisfazzjon tiegħu għat-tkabbir pożittiv tal-MGEIF u tal-MHIF u għalhekk il-klassifikazzjonijiet ta’ Morningstar. “Il-Merill Funds kollha mħaddma minna ġew iddisinjati biex joffru l-aqwa soluzzjonijiet ta’ investiment f’konformità mal-miri tat-tolleranza tar-riskju u tal-investiment tal-klijenti. Id-diversifikazzjoni u t-trasparenza huma żewġ elementi essenzjali fil-mod kif nimmaniġġjaw il-fondi tagħna biex niksbu l-aħjar riżultati possibbli għall-investituri.”

Merill SICAV plc kompliet tikber b’mod kostanti filwaqt li tirreġistra żieda fil-firxa tal-prodotti kollha tas-sotto-fondi tagħha, b’investimenti minn klijenti individwali u istituzzjonali inkluż investituri kemm lokali kif ukoll barranin. “Dan it-tkabbir jista’ jiġi attribwit għall-konsistenza fil-mod kif nimmaniġġjaw il-fondi tagħna u għall-kredibbiltà u l-fiduċja li l-investituri poġġew fil-Kumpanija matul is-snin, li aħna tant grati lejhom”, ikkonkluda Jesmond Mizzi.

Merill SICAV plc hija inkorporata u liċenzjata bħala Skema ta’ Investiment Kollettiv miftuħa, irreġistrata f’Malta, li tikkwalifika bħala UCITS Maltija f’termini tad-Direttiva tal-UCITS b’effett mis-16 ta’ Ottubru 2015. Il-valur tal-investiment u d-dħul mhumiex garantiti u jistgħu jinżlu kif ukoll jitilgħu. L-investimenti għandhom ikunu bbażati fuq id-dettalji li jinsabu fil-Prospett u fid-Dokumenti tat-Tagħrif Ewlieni għall-Investitur (KIIDs), li jistgħu jinkisbu bl-Ingliż u mingħajr ħlas mingħand Jesmond Mizzi Financial Advisors Limited (JMFA) ta’ 67, Level 3, Triq Nofsinhar, il-Belt Valletta, VLT1105, Malta, liċenzjata biex toffri s-servizzi ta’ investiment taħt l-Att dwar Servizzi ta’ Investiment. JMFA u Merill SICAV plc huma regolati mill-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta ta’ Mdina Road, Zone 1, Central Business District, Birkirkara CBD 1010.