Merill Funds issa disponibbli online għall-klijenti

Jesmond Mizzi Financial Advisors Limited (JMFA), bħala l-maniġer ta’ Merill SICAV p.l.c. (Merill Funds) bi pjaċir tħabbar it-tnedija tal-pjattaforma online ġdida għall-firxa tal-Merill Funds tagħha. Dan il-portal inħoloq speċifikament b’kunsiderazzjoni tal-bżonnijiet tal-klijenti u b’mod speċjali biex jagħtihom l-opportunità li jinvestu f’dawn il-Fondi online, mill-kumdità ta’ darhom stess.

Dan il-portal online jista’ jiġi aċċessat mill-websajt ta’ Merill Funds www.merillfunds.com billi wieħed jikklikkja fuq ‘Invest in Merill Funds’. Dan jieħu lill-klijenti fil-paġna ewlenija tal-pjattaforma fejn imbagħad jintalbu jagħżlu bejn iż-żewġ għażliet disponibbli, jiġifieri jew ‘New Customer’ jew ‘Existing Customer’, u jkomplu biex jiksbu l-aċċessibbiltà permezz ta’ proċess sempliċi, sikur, konformi u faċli għall-utent. Dan jagħmilha faċli kemm għal investituri ġodda kif ukoll għal dawk esperjenzati biex jibdew jużaw il-pjattaforma, jinvestu u jkunu jistgħu b’mod regolari jimmonitorjaw l-investimenti tagħhom.

Il-Merill Funds tnedew fl-2016 u minn dak iż-żmien esperjenzaw tkabbir kostanti u stabbli, hekk kif l-assi mħaddma qabżu l-€ 124 miljun fl-aħħar ta’ Mejju 2020. It-tim tal-immaniġġjar tal-assi ta’ JMFA, b’għarfien wiesa’ ħafna u kompetenza esperta fl-investiment jimmaniġġja b’mod attiv il-Merill Funds fuq bażi ta’ kuljum, biex jimmassimizza r-redditu għat-tipi kollha ta’ investituri.

Il-benefiċċju prinċipali tal-investiment fil-fondi huwa li tafda d-deċiżjoni dwar l-immaniġġjar tal-investimenti f’idejn nies professjonali, biex jinvestu b’mod attiv il-flus f’firxa ta’ investimenti li se jkunu diversifikati fuq firxa ta’ kumpaniji, setturi u klassijiet ta’ assi differenti kif ukoll f’diversi swieq madwar id-dinja. Dan jgħin biex jinfirex u jiġi mmitigat ir-riskju, bil-għan li jiġi pprovdut redditu aħjar u pożittiv għall-investituri.

Il-Fondi li huma disponibbli permezz tal-portal online jinkludu l-Merill Total Return Income Fund li għandu l-għan li jikseb dħul u tkabbir fit-tul; il-Merill Global Equity Income Fund li għandu l-għan li jipprovdi tkabbir kapitali, bid-dħul bħala objettiv sekondarju u l-Merill High Income Fund li għandu l-għan li jipprovdi dħul kurrenti għoli u t-tkabbir kapitali bħala objettiv sekondarju. Wieħed jista’ jibda l-vjaġġ li jinvesti b’mod intelliġenti fil-Merill Funds bl-ammont żgħir ta’ € 50 fix-xahar jew investiment minimu ta’ somma f’daqqa ta’ € 2,500. Qatt mhuwa tard wisq biex tkun parti mis-suċċess ippruvat tal-Merill funds, b’mod speċjali meta tingħata l-għażla u l-aċċessibbiltà li tagħmel dan online.

Filwaqt li rrefera għall-portal online tal-Merill Funds, Jesmond Mizzi, direttur maniġerjali ta’ JMFA qal li ‘Aħna kontinwament naħsbu f’modi innovattivi u sostenibbli biex nilħqu l-klijenti. Permezz tad-disponibbiltà online tal-Merill Funds tagħna, aħna qed nipprovdu esperjenza konvenjenti u unika għall-klijenti li jkunu qed ifittxu biex jesploraw opportunitajiet ta’ investiment mid-dar tagħhom stess’.

JMFA tipprovdi firxa wiesgħa ta’ prodotti ta’ investiment lil klijenti kemm individwali kif ukoll istituzzjonali u topera minn erba’ uffiċċji li jinsabu fil-Ħamrun, il-Belt Valletta, B’Kara u Ta’ Xbiex. ‘Aħna dejjem konna fuq quddiem biex nipprovdu servizz personalizzat lill-klijenti, u issa ninsabu sodisfatti ħafna li nistgħu nipprovdu valur miżjud lill-klijenti, billi nagħtuhom għażla addizzjonali biex jinvestu fil-Merill Funds online’, ikkonkluda s-Sur Mizzi.

Merill SICAV plc hija inkorporata u liċenzjata bħala Skema ta’ Investiment Kollettiv miftuħa, irreġistrata f’Malta, li tikkwalifika bħala UCITS Maltija f’termini tad-Direttiva tal-UCITS b’effett mis-16 ta’ Ottubru 2015. Din l-informazzjoni mhix maħsuba biex tikkostitwixxi offerta jew ftehim ta’ bejgħ jew ta’ xiri ta’ investimenti. L-investimenti msemmija f’dan id-dokument jistgħu ma jkunux adattati jew xierqa għal kull investitur. Il-valur tal-investiment u d-dħul mhumiex garantiti u jistgħu jinżlu kif ukoll jitilgħu. L-investimenti għandhom ikunu bbażati fuq id-dettalji li jinsabu fil-Prospett u fid-Dokumenti tat-Tagħrif Ewlieni għall-Investitur (KIIDs), li jistgħu jinkisbu bl-Ingliż u mingħajr ħlas mingħand Jesmond Mizzi Financial Advisors Limited (JMFA) ta’ 67, Level 3, Triq Nofsinhar, il-Belt Valletta, VLT1105, Malta, liċenzjata biex toffri s-servizzi ta’ investiment taħt l-Att dwar Servizzi ta’ Investiment. JMFA u Merill SICAV plc huma regolati mill-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta ta’ Mdina Road, Zone 1, Central Business District, Birkirkara CBD 1010.

Din l-informazzjoni twasslet minn Jesmond Mizzi Financial Advisors Limited (JMFA).