Merħba sabiħa lill-Papa Franġisku fil-Panama

Pope Francis waves from his Popemobile as he arrives for World Youth Day in Panama City, Panama January 23, 2019. REUTERS/Henry Romero

Ftit anqas minn 36 sena wara li San Ġwanni Pawlu II żar il-Panama, il-Papa Franġisku l-bieraħ kompla fuq il-passi tiegħu u wasal f’dan il-pajjiż biex jipparteċipa fl-attivitajiet tal-Jum Dinji taż-Żgħażagħ.

Mal-wasla tiegħu t-temperatura kienet ta’ 33 ċentigrad u l-arja kienet umda ħafna. Mijiet ta’ persuni kien ilhom siegħat twal fl-ajruport u madwar jistennew il-wasla tiegħu. Fosthom kien hemm tfal lesti biex jagħmlu żifna tradizzjonali mal-wasla tiegħu.  Magħhom il-ġenituri u nies oħra li ppreparawhom għal dan l-avveniment.

Bejn l-Italja u l-Panama hemm differenza ta’ sitt siegħat fil-ħin.  Il-vjaġġ bejn Ruma u Panama City jieħu ftit anqas minn 13-il siegħa.  Dawn is-siegħat magħduda flimkien, żgur li kellhom effett fuq il-Papa li hu u nieżel mill-ajruplan deher viżibilment għajjien.

Sab jilqgħu lill-President tal-Panama u martu flimkien ma’ xi personalitajiet oħra.  Indaqqu l-Innu Nazzjonali tal-Vatikan u dak tal-Panama u ma kienux ippjanati ċerimonji uffiċjali għal dak il-ħin proprju biex il-Papa jkun jista’ jibqa’ sejjer jiekol u jistrieħ fin-Nunzjatura Apostolika fejn se joqgħod tul it-tliet ijiem fil-Panama.

Iżda hekk kif Papa Franġisku kien qed jitwassal lejn il-karrozza biex jitlaq mill-ajruport, il-Papa dar u lemaħ il-folla li kienet qed tipprova tiġbidlu l-attenzjoni. L-entusjażmu tal-folla bħal donnu ta enerġija ġdida lill-Papa li resaq lejn in-nies iċapċpu daħkana u eċitati, b’uħud minnhom jerfgħu lit-trabi fid-direzzjoni tiegħu.

Kull sinjal ta’ għajja għeb minn fuq wiċċ il-Papa Franġisku li beda jxejjer, jgħannaq u jbus lit-trabi bi tbissima fuq wiċċu u kuntent bil-laqgħa sabiħa li ngħata.

Kif inhi d-drawwa, minn fuq l-ajruplan, il-Papa Franġisku bagħat messaġġ lill-Kapijiet tal-Istati kollha li kien għaddej minn fuqhom.  Il-messaġġi bil-lingwi rispettivi tal-pajjiżi ntbagħtu lill-mexxejja ta’ Franza, Spanja, il-Portugall, l-Olanda, l-Istati Uniti, ir-Republika Domenicana u l-Columbia. F’dan il-messaġġ il-Papa jitlob il-Barka t’Alla fuq il-mexxejja u l-popli rispettivi tagħhom