Merħba f’Malta lill-kumpanija b’karta ħamra mill-Ġappun

Il-kumpanija Binance li tħabbar li se tiftaħ f’Malta għadha kif irċeviet twissija formali mill-Aġenzija Ġappuniża għas-Servizzi Finanzjarji (JFSA) minħabba li kienet qed topera bla liċenzja fil-Ġappun.
Skont il-Financial Times tal-Ġimgħa 23 ta' Marzu 2018, Binance ġiet ordnata tissospendi s-servizzi tagħha b’effett immedjat fil-Ġappun, għax kienet qed taħdem bi ksur tar-regoli u għax ma kinitx irreġistrata kif suppost.
Skont siti internazzjonali, fl-aħħar xhur Binance affaċċjat problemi legali fl-Asja – f’Hong Kong, fiċ-Ċina u fil-Ġappun. Kienet waħda mis-seba’ kumpaniji li rċevew ittra ta’ twissija biex ma jinnegozjawx assi diġitali, meqjusa bħala securities fil-liġi ta’ Hong Kong.
Binance, li titqies bħala l-ikbar kumpanija fid-dinja fil-qasam tal-muniti diġitali, twaqqfet f’Hong Kong sena ilu u għandha madwar 8 miljun klijent.
Il-PM jilqa’ l-aħbar li se tiftaħ f’Malta
Kien il-Prim Ministru Joseph Muscat li l-Ġimgħa filgħodu xerred artiklu ta’ Bloomberg fuq Twitter, liema artiklu jsemmi li Binance se tiftaħ f’Malta fiż-żmien li ġej, kif ukoll li ġiet imwissija mill-awtorità finanzjarja tal-Ġappun.
Il-Prim Ministru qal li qed jilqa’ f’Malta lill-kumpanija u li jrid li l-pajjiż ikun l-aqwa għażla ta’ kwalità għall-kumpaniji fit-teknoloġija finanzjarja.
Il-fundatur tal-Binance mistieden mill-Gvern Malti
Zhao qal lil Bloomberg, li hu ġie mistieden mill-Gvern Malti biex jagħtih pariri dwar l-abbozz ta’ liġi favur in-negozji crypto.  Ġie spjegat li dan fid-dawl li x-xahar li għadda, Malta ħabbret pjanijiet li jistabbilixxu Awtorità Maltija għall-Innovazzjoni Diġitali, li tiċċertifika u tirregola negozji tal-blockchain u l-ħidmiet tagħhom.
Qal li dalwaqt tiftiehem mal-banek f'Malta
Huwa qal li Binance tinsab qrib li tikkonkludi ftehim mal-banek f’Malta, li jistgħu jipprovdulha aċċess għad-depożiti u l-ġbid ta’ flus. Madanakollu ma ngħatawx dettalji dwar meta se jibdew jingħataw dawn is-servizzi.
Skont il-Financial Times, Binance ġiet ordnata tissospendi s-servizzi tagħha b’effett immedjat lir-residenti Ġappuniżi, għax kienet qed taħdem bi ksur tar-regoli dwar fund settlements, u għax ma kinitx irreġistrata kif suppost biex toffri s-servizzi tagħha lir-residenti Ġappuniżi.
Mal-Financial Times, Changpeng Zhao qal li Binance qed tikkollabora mal-Aġenzija tas-Servizzi Finanzjarji biex tasal għal soluzzjonijiet. Dan qalu wkoll fuq Twitter, siegħa wara li rċieva l-ittra.  Madanakollu rrifjuta li jikkummenta dwar jekk waqqafx l-operat fil-Ġappun.
Min-naħa tiegħu, is-sit Nikkei, il-Ħamis qal li Binance tista’ taffaċċja akkużi kriminali u titwaqqaf milli topera fil-Ġappun. Madanakollu l-Ġimgħa, ir-regolatur kkjarifika li se joħroġ twissija minħabba li m’għandhiex liċenzja.
Xi problemi qed taffaċċja Binance?
Skont siti internazzjonali, fl-aħħar xhur Binance affaċċjat problemi legali fl-Asja – f’Hong Kong, fiċ-Ċina u fil-Ġappun.
Kienet waħda mis-seba’ kumpaniji li rċevew ittra ta’ twissija biex ma jinnegozjawx assi diġitali, meqjusa bħala securities fil-liġi ta’ Hong Kong.
Barra minn hekk, issaħħaħ it-tħassib li kienet waħda mill-vittmi ta’ hacking.
Binance, li oriġinarjament twaqqfet fiċ-Ċina, kellha ċċaqlaq l-uffiċini tagħha għall-Ġappun wara għeluq regolatorju mill-Gvern Ċiniż kontra n-negozji ta’ cryptocurrency u exchanges.  Dan it-tip ta’ negozju lanqas ma jidher li hu milqugħ tajjeb fil-Ġappun.
Skont il-Kap Eżekuttiv, fl-aħħar ġimgħat bdew isiru laqgħat ma’ regolaturi madwar id-dinja, fosthom ma’ uffiċjali għolja tal-Gvern Ingliż.
Qal ukoll li Binance qed tfittex dar korporattiva f’pajjiż li jappoġġja s-suq ta’ muniti diġitali.
Il-kumpanija li tħaddem madwar 150 persuna, fl-aħħar tliet xhur iġġenerat $200 miljun fi profitti.
Joseph Muscat, il-Ġimgħa, fi stqarrija maħruġa mill-Gvern stqarr li din il-kumanija se tkun qed tħaddem mal-200 persuna f’Malta.