Mercieca jmur kontra l-pariri ta’ avukatessa li mexxiet il-każ kontra Caruana – Azzopardi

Id-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi qal li l-avukat Charles Mercieca mhux biss mexxa minn wara dahar l-Avukat Ġenerali, iżda wkoll kontra l-parir tal-avukatessa mill-istess uffiċċju li kienet responsabbli mill-każ u mill-ispettur fil-kawża. Dan dwar il-każ ta’ Francis Caruana, fejn Mercieca bidillu sentenza ta’ ħabs f’waħda ta’ probation.

Dr Azzopardi qal fil-Parlament li fl-ewwel qorti, dik tal-maġistrati, l-avukatessa kienet oġġezzjonat għal talba tad-difiża biex l-akkuzat jingħata sentenza ta’ probation. Fl-istadju tal-appell, Mercieca biddel d-deċiżjoni tal-Avukat Ġenerali. Azzopardi staqsa dan fl-interess ta’ min sar.

Dr Charles Mercieca hu avukat żagħżugħ fiċ-ċentru ta’ investigazzjoni minn naħa tal-Ministeru għall-Ġustizzja wara li f’temp ta’ 24 siegħa telaq l-impjieg tiegħu fl-uffiċċju tal-AĠ u mar jiddefendi lil Yorgen Fenech, akkużat b’kompliċità fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Tliet ġimgħat ilu, Azzopardi ressaq każ ieħor li fih kien involut Mercieca, każ li fih sentenza ta’ erba’ snin priġunerija nbidlet f’sentenza ta’ probation wara li l-istess Mercieca ddikjara li ma kellux oġġezzjoni għal probation.

Investiga l-ispjun fl-uffiċċju tal-AĠ – Bedingfield

Dan il-każ ġab ir-reazzjoni tal-Whip Laburista Glenn Bedingfield li talab biex issir investigazzjoni simili għal dik ta’ Mercieca fuq l-ispjun fl-uffiċċju tal-AĠ “li qed jagħti l-informazzjoni lil Azzopardi”.

Clayton Bartolo jieħu interess fit-tender tal-pre-fabricated hospital – Azzopardi

Azzopardi ħa l-ħin tal-aġġornament biex reġa’ qajjem il-każ tal-isptar prefabrikat, wara li kiteb fil-blogg tiegħu li s-Segretarju Parlamentari Clayton Bartolo ħa interess partikulari f’dan it-tender.

Huwa qal li dan sar minn wara dahar il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne u l-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna. Stqarr li erba’ domandi tiegħu dwar min rebaħ it-tender tal-isptar prefabrikat baqgħu ma ġewx imwieġba sakemm fis-7 ta’ Mejju l-Ministru Fearne qal li l-Gvern ħa d-deċiżjoni li l-prefabricated hospital f’dan l-istadju ma jinxtarax.

Dr Jason Azzopardi stqarr li hu żvela li kumpanija lokali kkuntattjat supplier Ġermaniż ġimgħat qabel ħareġ tender. Skont Azzopardi dan wassal għal argument jaħraq fil-kabinett wara li “uffiċjal pubbliku għoli fil-gvern ta’ Muscat kien f’diskussjoni mal-Gvern f’isem din il-kumpanija”. Azzopardi staqsa jekk il-Kummissarju tal-Pulizija hux se jieħu interess f’dan il-każ u jiftaħ investigazzjoni dwar is-sejħa pubblika għall-isptar prefabrikat.