Meqjusa mejta l-membri tal-ekwipaġġ ta’ vapur li għereq

Aktarx li mietu t-tmien membri tal-ekwipaġġ ta’ vapur tal-merkazija li jumejn ilu sab ruħu f’diffikultà ‘il barra mill-kosta tal-Iskozja.
Fil-fatt, l-operazzjoni ta’ salvataġġ li kienet għaddejja sal-bieraħ filgħaxija, twaqqfet minħabba l-maltemp u mhix se titkompla.
Minkejja li kaptana ta' bastimenti li jivvjaġġaw fl-inħawi qed jiġu mitluba jżommu għajnejhom miftuħa f’każ li jinnutaw xi ħaġa mhux tas-soltu, ftit li xejn hemm tama li jinstab ħaj xi membru tal-ekwipaġġ.
Il-vapur, ta’ 83 metru, kien qed iġorr mal-2,000 tunnellata ta’ siment mid-Danimarka lejn l-Ingilterra.