MEPs tal-PN jirrifjutaw stedina għal reception ta’ Jason Micallef

L-MEPs Nazzjonalisti David Casa, Roberta Metsola u Francis Zammit Dimech qalu li qed jirrifjutaw stedina mir-Rappreżentanza Permanenti Maltija għall-Unjoni Ewropea u mill-Ambaxxatur tal-Belġju Ray Azzopardi għal reception u preżentazzjoni miċ-Chairman tal-Valletta 18 Jason Micallef. Dan l-avveniment se jsir f’Dar Malta fi Brussell.
L-eks segretarju ġenerali tal-Partit Laburista jinsab taħt attakk minn diversi membri tal-Parlament Ewropew, kittieba internazzjonali u artisti għall-mod kif irredikola lill-ġurnalista maqtula Daphne Caruana Galizia.
Minbarra ittra iffirmata minn 250 awtur internazzjonali li esprimew ir-rabja tagħhom għal mod kif esprima ruħu Jason Micallef, intbagħtet ukoll ittra oħra lill-Kummissjoni Ewropea iffirmata minn 72 MEP minn diversi gruppi politiċi. Dawn kollha qed isejħu għat-tneħħija tiegħu mill-kariga ta’ Chairman tal-V18.
F’Malta wkoll saret petizzjoni lill-Prim Ministru Joseph Muscat u lill-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici sabiex ineħħu lil Micallef mill-kariga tiegħu b’mod immedjat.
Il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew David Casa qal li l-azzjonijiet ta’ Micallef imorru kontra l-kunċett innifsu għaliex tintgħażel il-Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura. L-istess ħsieb esprimew l-MEPs l-oħra Roberta Metsola u Francis Zammit Dimech li qalu li dan il-livell ta’ intolleranza politika qed joħloq firda politika u ma jridux jiffurmaw parti minn dan l-ingann.
Iwieġbu l-PN u l-PL
Intant fi stqarrija il-kelliema tal-PN għall-Kultura Therese Comodini Cachia sostniet li l-2018 tidher li hija l-agħar sena għall-artisti li jridu jesprimu l-kreattività tagħhom.
B’reazzjoni għal dan, il-Partit Laburista akkuża lill-Partit Nazzjonalista li qed idaħħal lill-artisti lokali f’kontroversji politiċi, u li din ma kinitx l-ewwel darba li l-PN attakka lill-Fondazzjoni tal-Valletta 2018.
Ritratt: Facebook