​MEPs Maltin jitkellmu dwar il-valuri li jridu jsawwru l-futur tal-UE

L-MEP Nazzjonalista Francis Zammit Dimech qal li l-futur tal-Ewropa jrid ikun wieħed ibbażat fuq il-valuri kif ukoll fuq il-ħarsien tad-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini Ewropej. Fil-Parlament Ewropew, Zammit Dimech saħaq dwar l-importanza li l-Unjoni Ewropea tiffoka l-aktar fuq l-isfidi reali taċ-ċittadin. 
Tkellmet ukoll l-MEP Laburista Marlene Mizzi, li emfasizzat ħafna dwar il-valuri tad-demokrazija, id-dinjità u d-drittijiet tal-bniedem, l-ugwaljanza u s-saltna tad-dritt. Qalet li dan il-pjan irid ikun imfassal biex jgħin liċ-ċittadin Ewropew bil-għan li jtejjeb il-kwalità tal-ħajja u jkollu futur xieraq. 
Iż-żewġ MEPs kienu qed jitkellmu fis-sitt dibattitu ta’ sensiela li qed issir bejn il-mexxejja tal-istati membri u l-MEPs dwar il-futur tal-UE.
Matulu, l-MEPs saħqu dwar is-suq uniku Ewropew li qalu huwa pre-rekwiżit għall-kummerċjanti Ewropej. Irreferew ukoll għan-numru kbir ta’ ċittadini tar-Renju Unit li qed japplikaw għaċ-ċittadinanza tal-UE, li fi kliemhom hija prova ċara tal-valur miżjud li għandha l-UE.