MEPs Maltin fost uħud li jressqu dikjarazzjoni fil-PE dwar id-dijabete

L-Ewroparlamentari Maltin, Therese Comodini Cachia u Marlene Mizzi, huma fost diversi Ewroparlamentari li ressqu inizjattiva dwar id-dijabete u li kisbet l-appoġġ tal-Parlament Ewropew.
Id-dikjarazzjoni, ffirmata minn 383 MEP, tappella lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Kunsill Ewropew biex jagħti prijorità lid-dijabete, li hi ta’ tħassib fuq livell ta’ saħħa, soċjali u ekonomiku.
Tappella wkoll għall-iżvilupp ta’ strateġija Ewropea għall-prevenzjoni, id-dijanjożi u l-kontroll tad-dijabete, u tinkoraġġixxi lill-pajjiżi membri biex ikollhom pjan nazzjonali u strateġija biex iċ-ċittadini tagħhom jieklu ikel aktar bnin.
Therese Comodini Cachia, li hi co-chairperson tal-grupp fl-UE li jaħdem dwar id-dijabete, qalet li d-dikjarazzjoni tkompli tgħolli d-dijabete bħala prijorità fl-aġenda Ewropea hekk kif taffettwa madwar 32 miljun ruħ madwar l-UE. F’Malta hu stmat li 11% tal-popolazzjoni kellhom id-dijabete fl-2014.
Marlene Mizzi rrimarkat li l-aħħar ċifri juri li d-dijabete hi l-kaġun ewlieni tal-mewt ta’ aktar minn 1.5 miljun persuna kull sena u hu stmat li sas-sena 2040, persuna minn kull 10 fid-dinja se tkun tbati minnha.