​MEPs jitolbu lill-ECB jirtira l-liċenzja ta’ Pilatus Bank

Il-membri parlamentari Ewropej li jifformaw parti mid-delegazzjoni li nħatret dwar il-liġi tad-dritt, kitbu lill-President tal-Bank Ċentrali Ewropew Mario Draghi biex jirtira l-liċenzja finanzjarja tal-Bank Pilatus.
Appellawlu jintervjeni fl-isfond tal-Mekkaniżmu ta’ Superviżjoni Ewropew fejn spjegaw il-bażijiet legali għaliex qed jitolbu dan.
Fl-ittra tagħhom, l-MEPs infurmawh li b’dispjaċir għadha ma ttieħdet l-ebda azzjoni konkreta fil-kwistjoni li tinvolvi l-Bank Pilatus.
Qalu li wara xhur ta’ twissijiet u allegazzjonijiet dwar l-intergrità u l-kompetenza ta’ dan il-Bank, u anke fl-isfond ta’ rapporti u investigazzjonijiet dwar il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, qed jisħqu dwar il-bżonn t’azzjoni mill-awtoritajiet kompetenti Ewropej.
Sostnew li dan l-intervent huwa importanti sabiex tibqa’ titħares l-integrità tas-sistema finanzjarja tal-Unjoni Ewropea.
L-MEP Nazzjonalista David Casa qal li l-arrest taċ-Chairman tal-Bank Pilatus fl-Istati Uniti ma seħħx f’kuntest iżolat.
Żied jgħid li jekk ma tiġix irtirata l-liċenzja bankarja, allura l-operat tal-Bank Pilatus jista’ jwassal biex jitkomplew allegati attivitajiet illegali u għalhekk dan il-Bank għandu jingħalaq b’effett immedjat.