MEPs jgħidu li l-Bank Pilatus qed jimmina s-settur finanzjarju Ewropew

Grupp ta’ Ewroparlamentari qalu flimkien li l-fatt li l-Bank Pilatus ingħata l-liċenzja biex jopera fl-Ewropa, minkejja evidenza minn sorsi differenti li l-bank hu involut f’attivitajiet illeċiti u għandu rabtiet ma’ pajjiżi b’riskji finanzjarji għoljin, bħall-Ażerbajġan, qed jimmina s-settur finanzjarju u l-ambjent politiku Ewropew.
Il-ħsara li skont dawn l-MEPs dal-bank qed jagħmel tisboq dik nazzjonali, kemm f’Malta fejn għandu l-kwartieri, u fl-Ingilterra fejn fetaħ fergħa, u tgħaddi għal dik fuq livell Ewropew.
B’kollox 22 MEP, li kienu wkoll parti mill-Kumitat PANA, iffirmaw din l-ittra li ntbagħtet liċ-Ċerpersin tal-Awtorità Bankarja Ewropea, Andrea Enria, li fiha esprimew l-approvazzjoni tagħhom għall-aħbar li din l-awtorità skattaw inkjesta preliminari kontra l-Bank.
Bdew l-ittra billi qalu li ma kinitx l-ewwel darba li xi awtorità għokritha għajnha minn dal-bank, u fost l-oħrajn tħassib serju kien diġà tqajjem fir-rapport tal-Kumitat PANA tat-8 ta’ Novembru li għadda, fir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-ħarsien tal-liġijiet f’Malta fl-istess xahar, u fir-rapport tad-delegazzjoni PANA/LIBE ta’ Jannar li għadda.
Qalu li dawn ir-rapporti, ibbażati fuq informazzjoni minn sorsi u oħra li ħarġet fil-beraħ, juru l-involviment ta’ Pilatus fi trasferimenti illeċiti ta’ flus mill-iskema tal-bejgħ tal-passaporti b’investiment u l-bejgħ ta’ assi tal-istat.
L-MEPs minn gruppi politiċi differenti fil-Parlament Ewropew irrimarkaw li l-operat tal-bank, minkejja din l-evidenza, hi turija ta’ ambjent fejn ir-regoli fejn ir-regoli mhumiex osservati.
Iżidu li fin-nuqqas tal-infurzar ta’ dawn ir-regoli, il-Bank Pilatus dar biex jattakka lill-midja u jhedded b’libelli ta’ miljuni ta’ Ewro. Għal dawn l-MEPs, il-libertà tal-espressjoni f’Malta hi mhedda mill-Pilatus, u jsemmu wkoll kif anki l-ġurnalista Daphne Caruana Galizia kienet spiċċat qalgħetha mingħandu.
Hawnhekk iduru għall-fatt li l-Gvern f’Malta ħalla lil dal-bank jopera, minkejja dan kollu, u jalludi għall-fatt li dal-bank għandu rabtiet ma’ persuni esposti poltikament, ewlenin fosthom Keith Schembri, iċ-Chief of Staff tal-PM.
L-ittra ttemm tgħid li dan kollu juri l-periklu eżistenti li tħalli bank bħal dan, anki jekk żgħir, jopera fi Stat Membru tal-UE, u titlob lill-Awtorità Bankarja Ewropea biex iżżommhom aġġornati b’dak li se jkun qed iseħħ fl-inkjesta preliminari.
Hawn taħt tista' taqra l-ittra sħiħa bl-Ingliż, u tara wkoll min iffirmaha.