MEPs jappellaw lil Malta biex iddaħħal lil persuni li qed ifittxu ażil

Twitter / Sea Watch

Read in English.

Grupp ta’ Membri Parlamentari Ewropej appellaw lill-Gvern Malti biex iħalli grupp ta’ persuni li qegħdin ifittxu ażil jinżlu Malta.

L-ittra li kienet indirizzata lill-Prim Ministru Robert Abela u lill-Ministru tal-Intern Byron Camilleri ġiet ippubblikata mill-Għaqda mhux Governattiva Sea Watch u mmexxija mill-MEP Ġermaniż Dietmar Köster.

Din l-ittra ġiet iffirmata minn 29 Membru Parlamentari Ewropew li ġejjin minn tliet partiti differenti fosthom id-demokratiċi u s-soċjalisti. 27 persuna ġew salvati mill-bastiment Maersk Etienne fil-5 t’Awwissu u s’issa għadhom qegħdin jistennew li jiddaħlu f’port sigur.

Fl-ittra tagħhom il-Membri Parlamentari Ewropej enfasizzaw li la ċ-ċentru ta’ koordinazzjoni Malti għat-tfittxija u s-salvataġġ kien responsabbli mill-operazzjoni ta’ salvataġġ skont il-liġi internazzjonali, issa għandu d-dmir li joffri port sigur fejn jistgħu jiżbarkaw dawn il-persuni.

Fl-ittra tagħhom l-MEPs qalu li huma jinsabu inkwetati għall-persuni li ġew salvati għax il-bastiment li jinsabu fuqu kif ukoll il-ħaddiema tal-vapur mhumiex attrazzati għal din is-sitwazzjoni. Żiedu li l-persuni li ġew salvati qegħdin jiġu miċħuda mid-drittijiet fundamentali tagħhom għal aktar minn tliet ġimgħat.

Il-Membri Parlamentari Ewropew appellaw lill-Gvern biex iħalli lil dawn il-persuni jitniżżlu l-art u wiegħdu li se jkunu qegħdin jgħinu fir-rilokazzjoni ta’ dawn il-persuni.

Bastiment tal-Gwardja tal-Kosta Libjana fiż-żona tat-tfittxija u salvataġġ ta’ Malta

L-għaqda mhux governattiva Sea Watch qalet li l-ajruplan tagħha Moonbird lemaħ dgħajsa tal-injam li kellha fuqha madwar 30 persuna li qed ifittxu ażil fiż-żona tat-tfittxija u salvataġġ Maltija.

L-għaqda qalet li din id-dgħajsa hija tal-Gwardja tal-Kosta Libjana u kienet qiegħda fiż-żona tat-tfittxija u salvataġġ Maltija sabiex tinterċetta lil dawn il-persuni u teħodhom lura illegalment.

Din il-kamra tal-aħbarijiet hija infurmata li l-patrol boat 206, Al Khifa kienet sejra fid-direzzjoni tad-dgħajsa. Il-persuni li qed ifittxu ażil kienu diġà daħlu fiż-żona Maltija meta l-Gwardja tal-Kosta Libjana ressqet lejhom.