​MEPs iżejnu s-Sala ta’ Daphne fi Strasburgu bil-fjuri

It-tliet Membri tal-Parlament Ewropew Maltin tal-Partit Popolari Ewropew (PPE) fakkru t-tielet xahar mill-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia fil-PE fi Strasburg permezz ta’ azzjoni simbolika ta’ tqegħid tal-fjuri.
Il-MPE David Casa, Roberta Metsola, u Francis Zammit Dimech sellmu l-memorja ta’ Caruana Galizia u qalu li mhux se jieqfu qabel titwettaq ġustizzja, bidla, u kontabbiltà.
Fi stqarrija konġunta, l-MEPs qalu li “Daphne Caruana Galizia nqatlet għaliex kien hemm min ried iwaqqafha milli tkompli tikxef il-verità.”
Dwar ir-rapport li ġie ppublikat dwar is-sitwazzjoni f’Malta, huma qalu li l-Prim Ministru Joseph Muscat għandu jirrispetta l-konklużjonijiet tiegħu u jaġixxi. Fil-fehma tagħhom, hu mhux qed jagħmel dan peress li huwa responsabbli tal-falliment fl-istituzzjonijiet tal-pajjiż.
Casa, Metsola, u Zammit Dimech tkellmu wkoll dwar tattiċi li qed jintużaw kontra l-ġurnalisti bħal ma huma l-qtil jew azzjonijiet legali f’ġurisdizzjonijiet barra mill-Unjoni Ewropea.